Ritratti | 136 għasfur protett jinsabu miżmuma f'kundizzjoni ħażina f'għalqa f'Ħal Għaxaq

Din is-sejba kienet waħda mill-akbar konfiska ta' għasafar protetti maqbuda illegalment li saret fl-aħħar snin

Investigazzjoni mill-Kumitat li jaħdem kontra l-qtil u l-qbid illegali ta’ għasafar (CABS) waslet għall-konfiska ta’ xejn inqas minn 136 għasfur protett u anke tagħmir ta’ insib illegali.

Fi stqarrija, CABS qalet li din is-sejba, li saret f’Ħal Għaxaq, hija waħda mill-akbar konfiska ta’ għasafar protetti maqbuda illegalment li saret fl-aħħar snin.

Jidher li CABS kienet irċeviet informazzjoni li għalqa f’Ħal Għaxaq kienet qed tintuża għal insib illegali fuq skala kbira u li kien hemm maqbuda fiha għexieren ta’ għasafar protetti.

CABS wettqet l-investigazzjoni tagħha u għaddiet l-informazzjoni kollha lill-Environmental Protection Unit (EPU) u anke lill-esperti tal-Wild Bird Regulation Unit (WBRU).

Flimkien, dawn wettqu rejd fuq l-għalqa u kkonfiskaw żewġ nases kbar li kienu qed jintużaw għall-insib u 135 għasfur minn 18-il speċi differenti. Dawn kollha kienu ħajjin u miżmuma illegalment.

Raġel ġie arrestat fuq is-sit u mistenni jitressaq il-Qorti fejn se jkun akkużat b’insib illegali u pussess illegali ta’ speċi protetti. Ir-raġel mistenni jiffaċċja wkoll akkużi ta’ moħqrija ta’ annimali.

L-għasafar ittieħdu kollha għand vet u aktar tard ġew irrilaxxati fir-Riserva Naturali tal-Għadira. Esperti minn BirdLife Malta kienu preżenti għal dan il-proċess kollu.

Minħabba l-qagħda li fiha kienu qed jinżammu dawn l-għasafar, tmienja minnhom mietu u sitta oħra ma kinux f’kundizzjoni li jiġu rrilaxxati. Għalissa qed jinżammu fiċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni sakemm ikunu jistgħu jinħelsu.

More in Politika