€817-il miljun għal Malta minn fondi tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija

Proporzjon sinifikanti mill-fondi se jiġi investit fl-iżgurar tal-effiċjenza tal-enerġija u fil-kapaċità tal-ħżin tal-enerġija fil-pajjiż bis-saħħa tal-iżvilupp ta' interkonnettur tal-elettriku ieħor mal-Italja

Bejn l-2021 u l-2027 Malta se tibbenefika minn €817-il miljun f'finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni bħala appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija tagħha kif stabbilit fil-Ftehim ta' Sħubija li għadu kif ġie adottat mill-Kummissjoni.

Wara l-kisbiet importanti ta' Malta matul l-aħħar perjodi ta' programmazzjoni, l-investimenti tal-Politika ta' Koeżjoni se jkomplu jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati d-disparitajiet fil-pajjiż u biex l-ekonomija Maltija ssir aktar innovattiva u kompetittiva. Il-fondi tal-UE se jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika u s-sigurtà tal-enerġija tal-pajjiż u t-trasformazzjoni diġitali tiegħu. Dan se jtejjeb il-ħiliet, l-impjiegi u l-inklużjoni soċjali tal-persuni.

It-tranżizzjoni ekoloġika, is-sigurtà tal-enerġija u l-kompetittività

Ammont ta' € 417-il miljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u mill-Fond ta' Koeżjoni se jikkontribwixxu biex in-negozji żgħar u medji jsiru aktar innovattivi, diġitali u kompetittivi, u biex tingħata spinta lil ekonomija aktar intelliġenti u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju.

Proporzjon sinifikanti mill-fondi se jiġi investit fl-iżgurar tal-effiċjenza tal-enerġija u fil-kapaċità tal-ħżin tal-enerġija fil-pajjiż bis-saħħa tal-iżvilupp ta' interkonnettur tal-elettriku ieħor mal-Italja fis-sura ta' kejbil b'vultaġġ għoli minn taħt il-baħar. Dan se jżid il-provvista u s-sigurtà tal-elettriku u jgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra.

Barra minn hekk, € 23.3 miljun mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF, Just Transition Fund) se jiġu investiti fil-provvisti tal-enerġija tal-elettriku biex jgħinu fid-dekarbonizzazzjoni tal-Port il-Kbir u l-Port Ħieles ta' Malta.

Suq tax-xogħol inklużiv, edukazzjoni u kura tas-saħħa

Iż-żgħażagħ u n-nisa se jkollhom aċċess aħjar għall-impjiegi bis-saħħa ta' aktar minn € 124.4 miljun fl-ambitu tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+). Dan il-fond se se jappoġġa wkoll metodi ta' tagħlim u għodod ta' apprendiment innovattivi, l-edukazzjoni inklużiva għal gruppi vulnerabbli, bħat-tfal b'diżabilità, u l-edukazzjoni fl-oqsma tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

Barra minn hekk, Malta se tappoġġa l-inklużjoni attiva, l-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni ta' gruppi żvantaġġati, bħall-persuni b'diżabilità. L-għajnuna alimentari se tiġi offruta wkoll lil dawk l-aktar fil-bżonn. Barra minn hekk, Malta se tinvesti fis-sistemi tas-saħħa tagħha, billi tipprovdi taħriġ lill-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, fil-protezzjoni soċjali u l-indukrar, se tniedi kampanji ta' sensibilizzazzjoni dwar stili ta' ħajja u benesseri tajbin għas-saħħa, u se tinvesti fir-riċerka dwar is-saħħa.

Is-sajd sostenibbli

Ammont ta' € 21.8 miljun mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura (FEMSA) se jrawwem it-tkabbir ta' ekonomija blu sostenibbli, isaħħaħ ir-reżiljenza tas-settur tas-sajd, u jiffaċilita t-tranżizzjoni ekoloġika tas-settur billi jreġġa' lura u jħares ir-riżorsi bijoloġiċi akkwatiċi u jippromwovi l-akkwakultura sostenibbli.

More in Politika