BirdLife titlob lill-Prim Ministru ma jiftaħx l-istaġun tal-kaċċa qabel il-15 ta’ Ottubru

Din l-ittra intbagħtet fid-dawl tal-'massakru fuq għasafar protetti fl-aħħar jumejn'

BirdLife Malta bagħtu ittra miftuħa lil Prim Ministru Robert Abela fid-dawl ta' dak li huma ddeskrivew bħala "massakru ta' għasafar protetti" matul l-aħħar jumejn fejn skont huma "l-infurzar kien prattikament non-eżistenti."

Hawn l-għaqda non-governattiva għamlet referenza għal qtil ta' madwar 40 Astun Iswed (Black Kite) fl-aħħar jumejn biss.

L-ittra tibda' billi tgħid li għalkemm l-għaqda tifhem illi "għal Prim Ministru, il-kaċċa illegali mhux prijorità", is-sitwazzjoni ilha ma tkun gravi daqs illum. Fl-istqarrija, is-CEO tal-BirdLife Mark Sultana spjega aktar dwar kif is-sitwazzjoni madwar il-protezzjoni tal-għasafar ilha ma tkun daqsekk gravi mit-80ijiet. Huwa nsista li l-mod kif kaċċaturi qed jinatgħu dak kollu li jixtiequ u fl-istess ħin jiddgħajfu l-infurzar u r-regolamenti mhux biss hi tal-mistħija iżda wkoll, fi kliemu, illegali. 

Kien għalhekk li l-għaqda kitbet l-ittra lill-Prim Ministru, "sabiex infakkruh f’dan l-obbligu u jekk ma jistax jassigura li l-kaċċa illegali se tiġi miġġielda b’infurzar strett u liġijiet aħjar allura Malta m’għandux ikollha staġuni tal-kaċċa."

 

Il-BirdLife, fl-istess ittra, talbet biex mhux biss il-Prim Ministru jikkundana dak li ġara iżda wkoll jissospendi l-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa għal wara l-15 ta' Ottubru. Dan sabiex tiġi ssalvagwardjata l-migrazzjoni ta’ speċi protetti bħar-ravra u l-ardrun.

"Il-kaċċaturi reġgħu ħadu lill-Gvern b'ostaġġ. Il-poplu ta’ Malta, li l-maġġoranza tiegħu huwa kontra l-kaċċa, jixraqlu aħjar u l-Prim Ministru għandu juri li ma tilefx il-kontroll fuq dan il-lobby b’effett immedjat," temm jgħid Mark Sultana.

Agħfas hawn biex taqra l-ittra miftuħa mibgħuta mill-BirdLife:

More in Politika