Il-PN jgħid li barranin li jiksru l-liġijiet Maltin għandhom jitkeċċew mill-pajjiż minnufih

Dawn il-proposti l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħmilhom fid-dawl taż-żieda fl-istejjer li qed jistemgħu fil-ġurnali fosthom l-istorja tal-argument li nqala f’nofs il-ġurnata ta' nhar il-Ħamis li għadda

Il-Kelliem Nazzjonalista għall-Affarijiet Interni Joe Giglio qasam, permezz ta’ stqarrija, numru ta’ proposti li l-Partit Nazzjonalista qigħed jagħmel “għal aktar sigurtà f’pajjiżna.”

Fost is-sitt proposti, tispikka dik li tgħid illi barranin li jiksru l-liġijiet tal-pajjiż għandhom jitkeċċew minnufih u ma jitħallewx jidħlu f’Malta.

Dawn il-proposti l-Partit Nazzjonalista qiegħed jagħmilhom fid-dawl taż-żieda fl-istejjer li qed jistemgħu fil-ġurnali fosthom l-istorja tal-argument li nqala f’nofs il-ġurnata ta' nhar il-Ħamis li għadda. 

Fi Triq il-Kbira San Ġużepp il-Ħamrun, il-Pulizija tad-Distrett kellhom jintervjenu f’battibekk bejn ‘il fuq minn 20 persuna, li huma maħsuba li huma ta’ nazzjonalità Sirjana.

Fil-fatt mill-investigazzjonijiet li saru s’issa rriżulta li Sirjan ta’ 30 sena residenti l-Mosta darab b’mod gravi Sirjan ta’ 37 sena b’daqqa ta’ injama f’rasu. Iż-żewġ irġiel se jittressqu l-Qorti bejn illum u għada. 

Intant, il-Pulizija identifikaw ukoll 11-il persuna oħra li kienu involuti fl-istess argument. Dawn mistennijajitressqu l-Qorti aktar ‘il quddiem b’ċitazzjoni u jkunu akkużati bi ksur tal-paċi pubblika u li ma obdewx ordnijiet leġittimi tal-Pulizija. 

Fuq din in-nota, Joe Giglio qal li l-forzi tal-pulizija għandhom jissaħħu b’kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar. “Il-korp tal-pulizija tagħna huwa demotivat, xogħol żżejjed, mġebbda żżejjed u mħallsa biżżejjed. Ma nistgħux nibqgħu għaddejjin hekk,” qal Giglio.

Is-sitt proposti li għamel il-PN huma dawn:

"1) Li jissaħħaħ l-korp tal-Pulizija billi jitjiebu l-kundizzjonijiet tagħhom ħalli jkunu tabilħaqq effettivi fil-ġlieda kontra l-kriminalita’. Għandna Korp demotivat, overworked, overstretched u underpaid. Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk.

2) Li barranin li jiksru l-liġijiet ta' pajjiżna jiġu mkeċċija minnufih u ma jitħallewx jidħlu lura f’Malta. Identity Malta qed torqod fuq dan il-punt.

3) Li jissaħħu l-aġenzji li għandhom id-dover li jinfurzaw il-liġijiet biex b'hekk tiżdied id-dixxiplina kullimkien.

4) Li nibdew naraw kif l-Armata tidba tipparteċipa b'mod aktar attiv fl'infurzar tal-liġijiet.

5) Li l-Qrati tagħna jingħataw riżorsi biex jaħdmu, inkluż billi niktbu mill-ġdid il-Kodiċi Kriminali biex jibda jagħmel sens fiż-żminijiet tal-lum. Għadna nahdmu bi proċedura li nkitbet fl-1854.

6) Li titwaqqaf din il-proċedura li kulħadd jiġi mpjegat mal-Gvern u imbagħad irridu nġibu l-barranin biex jaħdmu u lanqas biss nkunu nafu l-background tagħhom."

Min-naħa tiegħu, Giglio temm jgħid li dawn huma proposti li juru biċ-ċar li “l-pajjiż miftuħ biss għal nies tal-affari tagħhom, u mhux li tiġi hawn u tagħmel li trid.”

More in Politika