Miftuħ għall-pubbliku: Ġnien Victor Calvagna fil-Mosta

B’investiment ta’ €1 miljun Ġnien Victor Calvagna huwa proġett ta’ tħaddir fl-urban... l-ispazju huwa aċċessibbli għal kulħadd u jista’ jospita attivitajiet komunitarji differenti

Ġnien Victor Calvagna fil-Mosta, spazju ta’ 4,000 metru kwadru li ngħata lura lill-pubbliku u ġie uffiċjalment inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli.

B’investiment ta’ €1 miljun Ġnien Victor Calvagna huwa proġett ta’ tħaddir fl-urban li se jwassal għal titjib fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti. L-ispazju huwa aċċessibbli għal kulħadd u jista’ jospita attivitajiet komunitarji differenti.  Dan il-proġett iħares wkoll il-prinċipji tas-sostenibilità fejn ġie assigurat li l-materjal użat huwa sostenibbli u huwa effiċjenti fl-użu tal-enerġija. Fost oħrajn ġew installati pannelli solari u intuża materjal riċiklat. Id-disinn tal-ġnien huwa mibni madwar is-siġar taż-żebbuġ eżistenti u nħolqu passaġġi magħmula minn materjal naturali.

“Aktar residenti, aktar komunitajiet qed ifittxu spazji ħodor u miftuħa fil-lokalitajiet tagħhom. Huwa l-impenn ta’ dan il-Gvern li fis-seba’ snin li ġejjin ninvestu fi proġetti li jsebbħu l-lokalitajiet u li joffru spazju rikreattiv għal kulħadd. Qed inżidu l-attenzjoni għall-proġetti li huma ambjentalment sostenibbli, fid-disinn tagħhom,” spjegat il-Ministru Miriam Dalli.

“Rajna li s-sostenibilita tkun il-qafas ta’ dan il-proġett, b’passaġġi magħmula minn materjali naturali li jduru mas-siġar fejn imbagħad tpoġġew numru ta’ bankijiet. It-tagħmir kollu tal-ġnien hu magħmul minn injam li ġej minn foresti sostenibbli filwaqt li l-art fiż-żona tal-bandli u d-decking ġew magħmula minn materjali riċiklati,” qal Richard Bilocca, Kap Eżekuttiv ta’ Wasteserv.

 

More in Politika