Cassola jressaq ilment dwar l-istandards tal-pulizija wara li 'fallew milli jieħdu azzjoni kontra Azzopardi'

Cassola qal li Fredrick Azzopardi, illi dak iż-żmien kien imexxi l-aġenzija tax-xogħlijiet Infrastructure Malta, kellu jiġi akkużat b’reati kontra l-ambjent fuq xogħlijiet abbużivi li saru fil-wied tal-Qirda

Il-kandidat politiku indipendenti Arnold Cassola talab investigazzjoni tal-Bord tal-Istandards Professjonali tal-Pulizija wara li ħadd mill-Korp ma ressaq lill-eks Kap ta’ Infrastructure Malta Fredrick Azzopardi minkejja li Cassola stess ressaq kwerela lura fl-2020.

Cassola qal li Azzopardi, illi dak iż-żmien kien imexxi l-aġenzija tax-xogħlijiet Infrastructure Malta, kellu jiġi akkużat b’reati kontra l-ambjent fuq xogħlijiet abbużivi li saru f'Wied Qirda.

Fis-7 ta’ Jannar 2020, Cassola ressaq ilment kriminali lill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u lill-Għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ, biex jiġi investigat Azzopardi, talli "ordna xogħlijiet illegali u ta’ ħsara fil-Wied Qirda skedata, sit Natura 2000."

“L-ordnijiet ta’ Azzopardi jammontaw għal reati ambjentali. Minkejja diversi tfakkiriet, Azzopardi ma ġiex imressaq. Konsegwentement issa hu telaq filwaqt li l-kontribwent Malti għandu jħallas l-ispejjeż tal-ħsara ambjentali kkawżata. Dan huwa inġust." 

Cassola fil-passat kien spjega kif il-kuntrattur li wettaq dawn ix-xogħlijiet ġie mmultat mill-Qorti talli injora ordni ta’ waqfien maħruġa mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fuq ksur ta’ regolamenti ambjentali. Iżda kienet Infrastructure Malta, minkejja pubbliċità negattiva fuq ix-xogħlijiet li qed isiru, li ordnat lill-kuntrattur Anthony Camilleri ta’ AC Group biex ikompli bix-xogħlijiet f’Wied Qirda anke meta qalulu jieqaf mill-ERA.

Fil-fatt, Steve Zammit Lupi, Kunsillier Lokali indipendenti, li kien fost l-ewwel li qajjem l-allarm fuq Wied Qirda, qal li l-kuntrattur ġie mmultat €36,000 u IM €50,000 għax-xogħlijiet.

Ftit wara Fredrick Azzopardi kien ammetta li ordna x-xogħlijiet, u sostna li l-ordni tal-waqfien timplika li ma seta’ jsir l-ebda xogħol minbarra dak relatat mat-tisħiħ tat-triq, fil-fatt huwa kien assuma li x-xogħlijiet ma kinux suġġetti għall-ordni tal-waqfien.

Għaldaqstant, min-naħa tagħha l-Qorti kienet qalet li kwalunkwe kontestazzjoni tal-ordnijiet tal-ERA kellha ssir permezz ta’ mezzi legali, u mhux billi “injorat b’mod flagranti” l-ordni ta’ waqfien. 

F'dawk iż-żminijiet, il-Moviment Graffitti, wkoll ġibed l-attenzjoni għall-ħsara ambjentali f’Wied Qirda, hu qal li Fredrick Azzopardi għandu jitressaq il-Qorti bl-istess mod biex jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu fil-każ.

More in Politika