Il-mexxejja jaċċettaw il-kandidatura tal-Ukrajna u l-Moldova għal sħubija fl-Unjoni Ewropea

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel ddeskriva d-deċiżjoni bħala mument storiku

Il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea aċċettaw il-kandidatura tal-Ukrajna u l-Moldova biex isiru membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea.

Il-qbil intlaħaq ilbieraħ waqt summit li qed isir fi Brussell.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, iddeskriva d-deċiżjoni bħala mument storiku.

Anke jekk dan ma jfissirx li ż-żewġ pajjiżi se jsiru membri fi żmien qasir, għax hemm pajjiżi li ilhom għaxar snin jistennew, id-deċiżjoni qed tkun meqjusa bħala pass simboliku.

L-Ukrajna ressqet l-applikazzjoni tagħha ftit biss wara li bdiet l-invażjoni Russa li kull ma jmur qiegħda dejjem teskala. Miljuni ta’ Ukreni kellhom jaħarbu minn pajjiżhom u mijiet tilfu ħajjithom.

Id-deċiżjoni żgur mhux se tinżel tajjeb mal-President Russu Vladimir Putin li mhux l-ewwel darba kkritika l-mod kif l-Ukrajna kienet qed tersaq dejjem aktar viċin lejn l-Ewropa.

Anke l-President Ukren Volodymyr Zelenskyy ddeskriva d-deċiżjoni bħala waħda unika u storika u saħaq li l-futur tal-Ukrajna huwa fl-Unjoni Ewropea.

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron qal li l-Kunsill Ewoprew bagħad messaġġ ċar ta’ appoġġ lill-Ukrajna u messaġġ ċar kontra l-invażjoi Russa.

Fi kliemu, din kienet deċiżjoni ta’ Ewropa magħquda favur l-Ukrajna.

More in Politika