L-In-Work Benefit estiż għall-massimu ta' €50,000 għal koppja li jaħdmu

Il-Ministru Michael Falzon f'konferenza tal-aħbarijiet qal li mistennija jirduppjaw l-benefiċjarji li jieħdu l-In-Work Benefit

Il-pagament li jmiss tal-In-Work Benefit se jkun qed jingħata f’Lulju li ġej u se jkun qed ikopri t-tieni kwart ta’ din is-sena. Dan ġie mħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon fejn żied jgħid ukoll li l-pagamenti tal-In-Work Benefit se jvarjaw bejn €200 u €1500 għal kull wild fis-sena.

Din is-sena mistennija jibbenefikaw mal-14,000 persuna, wara tibdiliet imħabbra fil-Baġit 2022, fejn it-thresholds komplew jitwessgħu sabiex aktar ġenituri jsiru eliġibbli:

  • Għal koppji fejn it-tnejn jaħdmu, il-limitu tad-dħul tela’ minn €35,000 għal €50,000 fis-sena; 
  • Għal koppji fejn wieħed mill-ġenituri jaħdem, il-limitu tad-dħul tela’ minn €26,000 għal €35,000 fis-sena; 
  • Għal ġenituri waħidhom li jaħdmu – il-limitu tad-dħul tela’ minn €23,000 għal €35,000 fis-sena.

Dawk il-persuni li jaqgħu f’din il-kategorija, se jieħdu l-pagamenti bir-rati l-ġodda f’Novembru li ġej.

Il-Ministru Falzon sostna li d-Diviżjoni għall-Benefiċċji Soċjali flimkien mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tat-Taxxi Interni u servizz.gov qegħdin jaħdmu fuq sistema fejn kull min jaqa’ f’dawn it-thresholds jitħallas b’mod awtomatiku mingħajr il-bżonn ta’ applikazzjoni.

Il-Ministru Michael Falzon qal ukoll li permezz tat-twessigħ fit-thresholds aktar persuni se jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju. Huwa stmat li minn din is-sena se jirduppjaw il-benefiċjarji fejn mal-14,000 persuna se jibbenefikaw u madwar 20,000 tifel u tifla se jgawdu minn dawn iż-żidiet.

Id-Direttur George Cremona tkellem ukoll fil-konferenza, l-iktar dwar kif l-In-Work Benefit evolva matul is-snin, meta jitqies li fl-ewwel sena li kien introdott (2015) kienu bbenefikaw minnu 1,359 persuna. Huwa spjega li n-numru baqa jikber matul is-snin, minħabba it-twessigħ kontinwu tat-thresholds, u s-sena li għaddiet laħaq 7,246 ġenitur li jirrappreżentaw 11,539 tifel u tifla taħt l-età ta’ 23 sena. L-ispiża matul is-sena 2021 laħqet is-€7,013,000.

L-In-Work Benefit flimkien mat-Tapering tal-Benefiċċji, iċ-childcare b’xejn u inizjattivi oħra meħuda mill-gvern taw spinta sabiex ħafna benefiċjarji tal-għajnuna soċjali ħargu fid-dinja tax-xoghol u ma baqgħux jiddependu fuq din l-għajnuna. Mill-2013 sal-lum il-benefiċjarji tal-għajuna socjali naqsu b’56%.

More in Politika