Sammut jħabbar li mhux se jikkontesta għall-kariga ta' Viċi Kap tal-PN

Mark Anthony Sammut kien qed jissemma' u ġie rapportat illi kien wieħed mill-favoriti għal din il-kariga

Minkejja li kien qed jissemma bħala wieħed mill-favoriti Mark Anthony Sammut mhux se jkun qed jitfa' ismu għall-kariga ta' Viċi Kap tal-PN. Dan ħabbru ftit tal-ħin ilu fuq messaġġ li ħalla fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook. 

Sammut fakkar illi din hija l-ewwel esperjenza tiegħu fil-Parlament u jippreferi illi jiffoka aktar fuq dan l-irwol qabel jieħu responsabilitajiet ġodda. 

Intant f’laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista, b’mod unanimu ġew maqbula r-regolamenti li se jwasslu għall-elezzjoni ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, kif stabbilit mill-istatut tal-Partit.

Għalhekk mil-bieraħ f’nofsinhar jiftaħ il-perjodu ta’ espressjoni ta’ interess għal dawk interessati. Wara dan jiskatta l-proċess ta’ due-diligence, biex la darba dawk interessati jgħaddu minn dan il-proċes jinfetaħ il-perjodu ta’ nominazzjonijiet.

Il-perjodu tal-espressjoni ta’ interess jagħlaq nhar is-Sibt 18 ta’ Ġunju f’nofsinhar.

More in Politika