Jidħol f'Malta varjant ġdid tal-Omicron u jikkawża żieda fl-infezzjonijiet

Minkejja dan il-Ministru Chris Fearne qal li sa issa ma jirriżultax li qed jikkawża aktar sintomi severi jew inkella kumplikazzjonijiet

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li varjant ġdid tal-varjant Omicron tal-Covid-19 daħal f'Malta u wassal għal żieda fit-trasmissjoni tal-virus.

Il-Ministru spjega din dan il-varjant, magħruf bħala Omicron XE, huwa varjant magħmul minn taħlita bejn żewġ varjanti differenti.

Qal li l-varjant il-ġdid huwa aktar infettiv, jiġifieri jkun trasmess aktar malajr u għalhekk qal li wieħed jistenna li jkun hawn żieda fit-trasmissjoni tal-Covid-19.

Minkejja li dan il-varjant jimxi aktar, il-Ministru qal li sa issa ma jirriżultax li qed jikkawża aktar sintomi severi jew inkella kumplikazzjonijiet.

Bħalissa f'Malta hawn 1,548 każ attiv tal-Covid-19. 31 persuna biss jinsabu rikoverati Mater Dei u minn dawn tnejn biss għandhom bżonn kura intensiva.

Rigward il-Monkeypox, il-Ministru qal li f'Malta ma hawnx aktar każi tal-ġidri tax-xadini.

More in Politika