'Il-kriminalità organizzata moħħha mistrieħ b'Gafà;' Repubblika jitolbu għar-riżenja tal-Kummissarju

Waqt protesta quddiem id-Depot, Repubblika akkużaw lill-Kummissarju tal-Pulizija li għandu track record ta' 'falliment assolut'

L-organizzazzjoni Repubblika qed titlob għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà waqt li akkużatu li “kontinwament falla” milli jieħu azzjoni kontra politiċi u negozjanti korrotti.

Waqt protesta li saret quddiem id-Depot tal-Pulizija, il-President tal-organizzazzjoni, Robert Aquilina, saħansitra qal li Gafà ħoloq sens ta’ firda u inġustizzja fil-Korp stess.

Aquilina saħaq li Repubblika tat ċans lill-Kummissarju biex isib saqajh fil-Korp u anke ltaqgħet miegħu biex tispjega x’qed jistenna minnu l-pajjiż, imma insista li issa għadda biżżejjed żmien

“Għiduli jekk ressaqx imqar persuna waħda l-Qorti fuq il-korruzzjoni li minħabba fiha nqatlet Daphne Caruana Galizia. Lanqas fuq il-każ oxxen tal-job fantażma ta’ Melvyn Theuma – każ li mhu ikkumplikat assolutament xejn – ma kellu l-ħila jmexxi Gafà. Allura ngħidlu li fuq dan il-kriterju għandu track record ta’ falliment assolut,” kompla Aquilina.

Semma persuni bħall-eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-eks Ministru Konrad Mizzi u staqsa għaliex dwar dan baqgħu ma ttieħdux passi u għamel referenza għal każ ta’ Iosif Galea li ġie arrestat fl-Italja minkejja li dwaru kien ilu li nħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew.

“Sur Gafà, ir-responsabbiltajiet u l-poteri tal-Kummissarju tal-Pulizija jġorru magħhom id-dmir tal-kontabbilità lejn il-pubbliku. Sakemm ma tgħidx x’għamilt meta sirt taf li l-kriminali kienu qed jixtru lill-pulizija biex ħadd ma jmisshom jekk jinqabdu, il-konklużjoni tagħna bilfors tkun li m’għamilt assolutament xejn. Il-konklużjoni tagħna hi li fuq din Gafà falla wkoll,” kompla Aquilina.

Aquilina qal li l-Kummissarju qed jistaħba biss wara xogħol il-Maġistrati u mhuwiex motivat li jmexxi fuq każi ta’ korruzzjoni.

“Fuq l-Inkjesta Egrant kellu jinvestiga u jressaq lil Karl Cini. Iżda lil Cini ma ressqux. Ressaq biss iżda lil Jonathan Ferris. Ma tridx tkun xi professur biex tifhem għaliex Ferris tressaq u Karl Cini tan-Nexia BT – dak li kiteb l-email dwar l-Egrant – baqa’ ma ntmessx minn Gafà,” kompla jisħaq. “Il-verità hi li l-kriminalità organizzata moħħha mistrieħ li b’Gafà Kummissarju r-riskju li jkollha taffaċċja l-ġustizzja hu baxx ħafna.”

Temm jisħaq li quddiem dan kollu, jikkonkludu li Gafà huwa parti “integrali mill-problema akuta li l-Korp tal-Pulizija u pajjiżna għandhom.

“Illum ngħidu bla tlaqliq li l-uniku triq ta’ unur li fadalli Angelo Gafà hi dik li jirriżenja,” temm jgħid Aquilina.

More in Politika