Il-PN jipproponi li darba f'ġimgħa fil-Parlament issir sessjoni għall-mistoqsijiet lill-Prim Ministru

Il-PN sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet li matulha elenka x’se jkunu l-prijoritajiet tiegħu għal din il-leġislatura.

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi biex bħalma jsir fil-Parlament Ingliż, anke fil-Parlament Malti jkun hemm seduta fil-ġimgħa li fiha l-Prim Ministru jkun jista’ jwieġeb il-mistoqsijiet tad-Deputati.

Il-Parlament Ingliż, jew inkella l-House of Commons, kif inhu magħruf, jiddedika nhar ta’ Erbgħa biex il-Prim Ministru jkun jista’ jwieġeb b’mod dirett il-mistoqsijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni u anke tad-Deputati.

Hekk kif mil-lum jerġa’ jibda jitlaqqa’ l-Parlament, il-Partit Nazzjonalista sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet li matulha elenka x’se jkunu l-prijoritajiet tiegħu għal din il-leġislatura.

Il-konferenza kienet indirizzata minn Robert Cutajar, Whip tal-Oppożizzjoni u David Agius, Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Parlament.

Agius saħaq li l-ewwel prijorità tal-PN se jkunu l-istanding orders fejn se jkun qed jissuġġerixxa li jkun hemm kumitat li jipproponi bidliet fihom.

Fil-fatt, dan huwa wieħed mill-ħafna kumitati ġodda li l-PN irid jifforma. Irid, fost oħrajn, kumitati permanenti ffukati fuq il-ġustizzja u anke sotto-kumitati fuq id-dijabete u l-obeżità.

Lilhinn mill-Mistoqsijiet lill-Prim Ministru, Cutajar saħaq li l-Ministri għandhom jirrispettaw l-istanding orders u jwieġbu l-mistoqsijiet li jsirulhom.

Innota kif ħafna mid-Deputati tal-Gvern huma membri tal-Kabinett u għalhekk għandhom ħaddiema biex jgħinhom fix-xogħol parlamentari tagħhom. Fakkar li l-backbenchers u anke d-Deputati tal-Oppożizzjoni ma għandhomx l-istess lussu.

Ta eżempju wieħed u saħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni għandu biss persuna waħda biex tassistih, jiġifieri x-xufier. Staqsa jekk wasalx iż-żmien li din tinbidel.

Insista wkoll li hemm bżonn aktar miżuri li jkunu implimentati biex id-Deputati jkunu jistgħu jlaħħqu aktar mal-ħajja tal-familja. Saħaq li l-Parlament għandu joffri s-servizz ta’ Childcare, fost oħrajn.

Proposti oħra li qed jagħmel il-PN huwa li jitressqu aktar spiss rapporti tal-Ombudsman u biex l-Oppożizzjoni jkollha aktar opportunitajiet biex tressaq ‘il quddiem abbozzi ta' liġijiet.

More in Politika