Ir-riforma fl-IVF, l-art taż-Żonqor u l-femiċidju - fuq quddiem tal-aġenda Parlamentari

Anġlu Farrugia se jkun in-nominat tal-Gvern għall-kariga ta' Speaker u allura mistenni jżomm dan l-irwol

Fuq quddiemnett tal-aġenda Parlamentari se jkun hemm riformi fil-Liġi tal-IVF - hekk kif fil-fatt kien imwiegħed mill-Partit Laburista fil-manifest elettorali tiegħu.

Dan tħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu waqt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti u li sostna wkoll illi fuq l-aġenda Parlamentari wkoll hemm l-art tal-AUM li l-Gvern li jmexxi ħa lura biex b'hekk l-art taż-Żonqor inħelset minn kull pjan ta' binja ta' dormitorju. Kien Gvern Laburista stess - imma immexxi minn Joseph Muscat - li minkejja l-protesti ta' ħafna għadda art fiż-Żonqor, Wied il-Għajn, sabiex fuqha jinbena dormitorju għall-istudenti, u oriġinarjament anke skola. Dawn il-pjani inbiddlu wara protesti minn ambjentalisti u anke l-PN, biex l-iskola marret f'Bormla - kif fil-fatt ġara u l-pjani għal bini fiż-Żonqor tnaqqsu għal dormitorju għall-istudenti biss.

Robert Abela iżda ftit qabel l-elezzjoni kien ħabbar illi qed iwaqqaf dan il-proġett miż-Żonqor bil-Gvern jieħu l-art lura u jasal fi ftehim mal-AUM, liema ftehim se jkun  qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra u jiġi diskuss. 

Abela indika li l-Gvern se jerġa' jressaq ukoll għad-diskussjoni Parlamentari l-abbozz ta' Liġi dwar il-Femiċidju, liema abbozz kien ressaq il-Gvern tiegħu u li kien beda jiġi diskuss iżda waqa' minħabba li l-Parlament kien ġie xolt biex saret l-elezzjoni ġenerali. 

Intant il-PM Abela ħabbar ukoll li n-nominat tal-Gvern għall-Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti se jerġa' jkun Anġlu Farrugia li fil-fatt ilu Speaker għal dawn l-aħħar disa' snin. 

 

More in Politika