Tkompli tħejjija għaż-żjara tal-Papa; Jaslu Malta ċ-ċerimonjiera tal-Vatikan

Id-delegazzjoni hija mmexxija minn Monsinjur Diego Ravelli li huwa ċ-Ċerimonjier ewlieni tal-Papa

L-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede maċ-Ċerimonjier tal-Papa Franġisku
L-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede maċ-Ċerimonjier tal-Papa Franġisku

Dalgħodu wasslet Malta d-delegazzjoni tal-liturġisti tal-Vatikan biex iħejju d-dettalji għall-funzjonijiet liturġiċi li se jkun qiegħed imexxi l-Papa Franġisku waqt iż-żjara tiegħu f'Malta.

Id-delegazzjoni hija mmexxija minn Monsinjur Diego Ravelli li huwa ċ-Ċerimonjier ewlieni tal-Papa u li huwa responsabbli mill-Uffiċċju li jmexxi u jorganizza ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi Pontifiċi.

Fost iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi ewlenin li l-Papa Franġisku se jkun qed jiċċelebra f'Malta hemm il-mument ta' talb quddiem is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta' Pinu u anke l-Quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana.

Id-delegazzjoni kienet milqugħa, fost oħrajn, mill-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede, Frank Zammit.

Id-dettalji kollha dwar iż-żjara tal-Papa Franġisku jinsabu fuq is-sit papafranġisku.mt.

Agħfas hawn jekk tixtieq tattendi u għalhekk tirreġistra għall-Quddiesa ta' fuq il-Fosos 

Il-Papa Franġisku se jasal Malta nhar is-Sibt 2 ta' April u jħalli Malta l-għada. Fost oħrajn, il-Papa se jżur il-Belt Valletta, is-Santwarju tal-Madonna ta' Pinu, il-Grotta ta' San Pawl u anke l-Laboratorju tal-Paċi, li jaħdem mal-Immigranti, f'Ħal Far.

More in Politika