'Ir-regoli rridu nirrispettawhom imma jridu jkunu jagħmlu sens - Bernard Grech

Bernard Grech fakkar lil-istudenti għadhom bil-maskra u għad hemm diffikultà biex ġenituri jidħlu jgawdu t-tarbija tagħhom meta tkun għadha kemm twieldet

Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li r-regoli imposti mill-awtoritajiet biex tkun ikkontrollata l-imxija tal-Covid-19 għandhom ikunu rrispettati imma saħaq ukoll li dawn iridu jkunu jagħmlu sens.

Huwa qal dan meta kien mistoqsi dwar il-mass rally tal-PN fin-Naxxar fejn għadd ta' persuni dehru mingħajr maskra u bilwieqfa minkejja li attivitajiet bħal dawn għadhom mhux permessi.

Grech saħaq li r-regoli jridu jiġu rrispettati imma saħaq li hekk kif il-maġġoranza assoluta tal-Maltin ħadu anke l-booster, ir-regoli jridu jkunu jagħmlu sens.

Saħansitra akkuża lill-Gvern li qed jibqa' jhedded il-libertajiet u anke jiddiskrimina.

Insista li n-nies mhux jaċċettaw ir-regoli għax qed jaraw diskriminazzjoni u hawn semma dak li ġara waqt il-Malta Film Awards fejn l-udjenza dehret bla maska u mingħajr distanza.

"In-nies mhux taċċetta r-regoli għax tilfet il-fiduċja f'Robert Abela," insista Grech.

Fakkar li fl-iskejjel it-tfal għadhom bil-maskra u għad hemm diffikultà biex ġenituri jidħlu jgawdu t-tarbija tagħhom meta tkun għadha kemm twieldet.

More in Politika