Id-dilettanti f'Ħal Għaxaq u l-Għargħur kuntenti; Il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tista' ssir

L-attivitajiet tal-massa jistgħu jirritornaw mill-10 ta' April u mhux mill-11 ta' April

L-Ort ta' Ħal Għaxaq. Ritratt ta' Robert Tabone
L-Ort ta' Ħal Għaxaq. Ritratt ta' Robert Tabone

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li l-attivitajiet tal-massa jistgħu jirritornaw mill-10 ta' April u mhux mill-11 ta' April, kif ħabbar qabel.

L-10 ta' April jaħbat Ħadd il-Palm u dakinhar isiru l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira f'Ħal Għaxaq u anke fil-Għargħur. Peress li l-attivitajiet tal-massa kienu se jibdew mill-11 ta' April, dawn kienu se jibqgħu ġewwa għat-tielet sena.

Madanakollu, il-Ministru Fearne ħabbar li wara li tkellem mad-dilettanti u anke mal-Arċisqof, ittieħdet id-deċiżjoni li l-attivitajiet tal-massa jirritornaw mill-10 ta' April u mhux mill-11 ta' April, kif ħabbar il-ġimgħa li għaddiet.

F'Għawdex, f'Ħadd il-Palm issir il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fil-Qala. Meta l-purċissjoni tal-Katidral ma jkunx imissha toħroġ fil-Ġimgħa l-Kbira (għax iż-żewġ parroċċi tal-Belt Victoria jalternaw bejniethom), din ukoll issir nhar Ħadd il-Palm.

Wara l-10 ta' Frar, attivitajiet fuq ġewwa xorta waħda se jkunu jirrikjedu ċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Għal Ħal Għaxaq din se tkun sena oħra speċjali. Bħalissa, il-parroċċa ta' Ħal Għaxaq qed tbiddel il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira u din is-sena jmiss li tiżżanżan ir-raba' vara, jiġifieri dik tal-Veronika.

More in Politika