Il-ġimgħa d-dieħla jitħabbar il-pjan ta' tneħħija ta' restrizzjonijiet marbutin mal-Covid-19 - Fearne

Pjan ta' tneħħija ta' restrizzjonijiet fid-dawl ta' pressjoni minn negozji u diversi nies fuq il-Vaccine Pass...

Hekk kif il-Gvern jinsab taħt pressjoni minn diversi negozji, speċjalment dawk fid-divertiment, turiżmu u anke servizzi, minħabba r-restrizzjonijiet marbutin maċ-ċertifikat tal-Covid-19, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar illi l-ġimgħa d-dieħla se jkun qed jitħabbar pjan ta' tneħħija ta' restrizzjonijiet marbutin mal-Covid-19, inkluż dawk li jitrattaw dan iċ-ċertifikat. 

Bħalissa persuni li ma għandhomx ċertifikat validu tal-vaċċin, li jkun validu jekk ħadt id-doża booster - ħlief għal xi eċċezzjonijiet - ma jistgħux jidħlu f'ristoranti, barijiet, gyms u postijiet oħrajn. Din il-miżura saret f'għadd ta' pajjiżi oħrajn, fosthom fi Franza, l-Italja, l-Awstrija, l-Belġju, Ċipru u l-Olanda. 

Din il-miżura intlaqtet b'oppożizzjoni, tħassib, ilmenti u anke protesti hekk kif diversi sidien qalu illi din ħolqot problemi għal ċerti ħaddiema li mhumiex vaċċinati jew inkella ħadu vaċċin li għadu mhux rikonoxxut f'pajjiżna, bħal Sputnik V. 

In-negozju qed ikollhom jgħalqu wkoll fi-1:00 a.m.

Il-Gvern diġà naqqas uħud mir-restrizzjonijiet, billi neħħa d-distanza soċjali għar-ristoranti u barijiet filwaqt li issa sports jista' jsir ukoll bi spettaturi preżenti. Il-maskra ma għadhiex obbligatorja lanqas fuq barra jekk persuna tkun miexja waħedha jew inkella ma' persuna oħra, basta t-tnejjn ikunu ħadu l-booster. 

Intant sal-bieraħ kienu b'kollox 320,386 persuna li ħadu d-doża booster, filwaqt li ingħataw b'kollox 1.19 miljun doża mill-bidu tal-2020. Il-każi l-ġodda baqgħu jonqsu għal 285 u 1,296 persuna fiequ mill-Covid-19 biex il-każi attivi issa huma ta'  6,926. Minkejja dan, kien hemm ukoll erba' persuni pożittivi li tilfu ħajjithom. 

Intant fi stqarrija l-PN qal illi dak li ħabbar Fearne jikkonferma l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista u ħafna mis-soċjetá ċivili li l-miżuri li daħħal il-Gvern ħamest ijiem ilu "huma eċċessivi fil-kuntest tal-lum meta Malta għandha iktar min tliet kwarti tan-nies vvaċċinati tliet darbiet."

"Wara li Chris Fearne u l-Gvern Laburista attakkaw lil Bernard Grech, issa huma stess qed irreġġgħu lura minn miżuri li kellhom bżonn ħafna sagrifiċċji u burokrazija biex jiddaħħlu," sostniet l-istess stqarrija. 

More in Politika