Ftit ġimgħat wara Justyne Caruana ... jirriżenja wkoll is-Segretarju Permanenti tal-Edukazzjoni

Kien Frank Fabri stess li ffirma l-kuntratt kontroversjali li permezz tiegħu l-eks Ministru Justyne Caruana tat kuntratt ta' €15,000 lis-sieħeb tagħha, Daniel Bogdanovic

Frank Fabri rriżenja minn Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni ftit ġimgħat biss wara li r-riżenja tal-Ministru Justyne Caruana.

Skont is-sit MaltaToday, Fabri kien taħt pressjoni biex jirriżenja u għamel dan dalgħodu.

Caruana rriżenjat wara li investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards sabet li l-eks Ministru kisret l-etika meta tat kuntratt ta' €15,000 lis-sieħeb tagħha, Daniel Bogdanovic, għal xogħol li hu ma kienx kapaċi jagħmel.

Kien Fabri stess li ffirma dan il-kuntratt.

L-istess rapport jirrakkomanda investigazzjoni kriminali kontra l-istess Ministru.

Caruana qed tiġġieled il-każ tagħha quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.

Intant, Matthew Vella se jkun is-Segretarju Permanenti ġdid għall-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport. 

Matthew Vella nħatar Segretarju Permanenti f’Diċembru 2020 fil-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva u fil-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat.

F’laqgħa llum waranofsinhar, Vella ngħata l-inkarigu ġdid tiegħu mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, b’seħħ minn għada meta jibda perjodu ta’ tranżizzjoni.

More in Politika