Justyne Caruana titlob biex l-Ispeaker ikun inkluż fil-proċeduri kostituzzjonali li fetħet

Caruana li rriżenjat minn Ministru x-xahar li għadda, fetħet każ Kostituzzjonali li fih qed takkuża lill-Kummissarju għall-Istandards li ma tahiex smigħ xieraq qabel ma sabha ħatja ta’ ksur ta’ etika

L-Avukati tal-eks Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana lbieraħ resqu applikazzjoni fil-proċeduri Kostituzzjonali tagħha kontra l-Avukat tal-Istat u anke protest ġuddizjarju bil-għan li l-Ispeaker tal-Kamra jkun parti mill-proċeduri li hi fetħet

Caruana li rriżenjat minn Ministru x-xahar li għadda, fetħet każ Kostituzzjonali li fih qed takkuża lill-Kummissarju għall-Istandards li ma tahiex smigħ xieraq qabel ma sabha ħatja ta’ ksur ta’ etika. 

Issa, it-tim legali tal-eks Ministru ressqu protest ġuddizjarju quddiem il-qrati ċivili u li permezz tiegħu qed isejħu lill-kumitat parlamentari irrappreżentat mill-Ispeaker biex jassigura li d-drittijiet ta’ Caruana għal smigħ xieraq ikun irrispettat u biex id-dibattiti li jridu jsiru fuq ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards ma jkununx qed jippreġudikaw il-proċeduri kostituzzjonali tagħha.

L-Avukati qed jisħqu li dan l-istess kumitat parlamentari għandu interess “dirett u reali” fil-proċeduri kostituzzjonali ta’ Caruana u propju għalhekk li qed jitolbu li l-Ispeaker biex ikun inkluż bħala parti mill-istess proċeduri. 

Caruana rriżenjat wara pressjoni kbira wara li nstabet ħatja li kisret l-etika meta tat kuntratt ta' €15,000 lis-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovich biex iwettaq il-Kurrikulu Nazzjonali tal-Isports, anke jekk qatt ma kellu esperjenza biżżejjed biex iwettaq dan it-tip ta' xogħol.

More in Politika