Imut il-President tal-Parlament Ewropew fl-età ta' 65 sena

 David Sassoli miet matul il-lejl li għadda f'isptar f'Aviano l-Italja

Il-President uxxenti tal-Parlament Ewropew, David Sassoli, miet matul il-lejl li għadda fl-età ta' 65 sena.

Il-mewt tiegħu seħħet ħabta u sabta u xxokkjat lil kulħadd anke jekk fis-26 ta' Diċembru huwa ddaħħal l-isptar minħabba kumplikazzjonijiet ikkawżata fis-sistema immunitarja tiegħu.

Huwa miet fis-1:15am f'isptar f'Aviano l-Italja.

F'Settembru li għadda, meta kien għadu fi Strasburgu, Sassoli ddaħħal l-isptar minħabba pneomonia u għall-aħħar xhur kien nieqes mill-irwol tiegħu bħala President tal-Parlament Ewropew.

Fil-fatt huwa kien ħabbar li ma kienx se jerġa' jikkontesta għall-kariga ta' President tal-Parlament Ewropew, liema elezzjoni se ssir nhar it-Tlieta 18 ta' Jannar. 

Sassoli beda l-karriera tiegħu bħala ġurnalista fejn ħadem f'diversi gazzetti qabel mexa għat-televiżjoni. Huwa kien elett għall-ewwel darba fil-Parlament Ewropew fl-2009 bħala membru tal-Partit Demokratiku.

Fost dawk li sellmu lil Sassoli kien hemm l-Ewroparlamentari Maltin, inkluż Roberta Metsola li fi żmien Sassoli serviet u għadha sservi bħala l-Ewwel Viċi President tal-Parlament Ewropew u li issa hija l-kandidata tal-EPP biex tidħol fl-irwol tiegħu bħala President.

Anke l-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja ta’ David Sassoli u ddeskrivih bħala bniedem ta’ eżempju li żamm fuq quddiem l-interessi tal-poplu Ewropew.

More in Politika