Il-PN jaqbel mal-komunità kummerċjali biex il-kwarantina tonqos għal ħamest ijiem

Tenna wkoll l-appell tiegħu lill-gvern biex jillegalizza l-kits ta’ self-testing

Il-Partit Nazzjonalista qed jappoġġja s-sejħa tal-Kamra għan-Negozji żgħar u Medji u anke tal-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti biex jitkompla jitnaqqas il-perjodu ta’ kwarantina.

Dna ifisser li l-Partit Nazzjonalista jaqbel li l-kwarantina tonqos għal ħamest ijiem. Insista li jaqbel ma' dan kemm minħabba li l-varjant tal-Omicron huwa aktar dgħajjef kif ukoll minħabba l-għexieren ta’ eluf ta’ nies li jinsabu fi kwarantina.

"Is-sitwazzjoni attwali għandha impatt tremend fuq l-operat tal-pajjiż u l-ekonomija, minkejja li l-gvern jidher li qed jimminimizza l-kwistjoni," insista l-Partit Nazzjonalista.

Appella wkoll biex ikun hemm sistema xierqa għal dawk li ġenwinament ma jistgħux jieħdu l-vaċċin. 

 Aqra wkoll: 'Ħadna l-vaċċin, ħadna l-booster mela issa ħalluna ngħixu mhux taqfluna fi kwarantina’

"Is-sistema proposta għandha tkun riveduta u ssir aktar ġusta biex ma tgħabbix piż bla bżonn fuq iċ-ċittadini Maltin, speċjalment għal dawk li jridu jsiefru, kif qal ukoll l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta," saħaq il-PN.

Tenna l-appell tiegħu għall-estensjoni tas-suppliment tal-paga f’setturi speċifiċi li qed ibatu l-iktar l-impatt tal-Pandemija, b’mod partikolari s-setturi tat-turiżmu u l-ospitalitá.

Laqa' wkoll id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li din il-proposta qed tiġi kkunsidrata u ħeġġu biex ikun aktar speċifiku dwar liema se jkunu dawk is-setturi li għalihom is-suppliment tal-paga se jkun imġedded lilhinn minn Jannar. 

Il-Partit Nazzjonalista tenna wkoll l-appell tiegħu lill-gvern biex jillegalizza l-kits ta’ self-testing.

More in Politika