‘L-art hija tas-sid, imma x’jiġri fuq dik l-art, jaffetwa lill-poplu’ – Edwin Vassallo

Mistoqsi mill-ILLUM dwar il-liġi tal-qbiela, id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo, jaqbel ma’ bidliet proposti mill-Ministru Refalo imma jaħseb li l-Gvern dam jaħsibha filwaqt li ammetta li l-proposta tal-PN ma kinitx perfetta lanqas 

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Agrikoltura, Sajd u n-Negozji ż-Żgħar Edwin Vassallo qal lill-gazzetta ILLUM li bejn dak li qed jgħid il-Ministru Anton Refalo u l-fatti hemm baħar jikkumbatti.  

Din kienet waħda mir-risposti li ta Vassallo dwar il-liġi tal-qbiela, kif ukoll dwar dak li intqal mill-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd, Ikel u Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo mal-gazzetta ILLUM l-ġimgħa l-oħra. 

Fl-aħħar ġimgħa, il-gazzetta ILLUM żvelat illi bħalissa l-Gvern qed jaħdem fuq liġi ġdida tal-qbiela, hekk kif bdiewa qed jispiċċaw jitkeċċew mill-art agrikola li jaħdmu mis-sidien tal-art, li ħafna drabi jkunu jridu ħlasijiet ħafna ogħla. Kien il-Ministru stess li kkonferma dan mal-ILLUM filwaqt li ddeskriva l-liġi tal-qbiela bħala “emoloġija sħiħa li qed tokrob għal qafas leġislattiv.” 

Jammetti li l-proposta tal-PN mhix perfetta, allura x’jagħmel differenti kieku Edwin Vassallo? 

F’Settembru tal-2021, il-PN kien ħareġ bi tlett proposti. Dakinhar ġiet proposta skema fejn il-Gvern jgħin lill-bidwi jixtri l-art agrikola li jaħdem. It-tieni proposta tikkonċerna l-Gvern li jista' jidħol parteċipi biex il-bidwi jkun jista' jħallas il-qbiela. L-aħħar proposta kienet talba għall-Gvern biex jara b'aktar serjetà l-proċess li għaddej bħalissa tar-regolazzjoni tal-qbiela.  

Xahar ilu, il-PN ġedded dawn il-proposti sabiex issa qed jipproponi li l-bdiewa attivi ikunu jistgħu jakkwistaw direttament ir-raba tagħhom b’self bla interessi u bla spejjeż, garantit taħt skema tal-Gvern minn fond apposta disponibbli bħala garanzija mal-banek. 

Mistoqsi mil-ILLUM x’jagħmel allura kieku qiegħed fil-Gvern bħalissa, Vassallo elenka tlett prinċipji li jimxi fuqhom. L-ewwel prinċipju hu li jara li legalment ir-raba jibqa’ jinħadem. It-tieni prinċipju hu li jirrikonoxxi l-valur tal-xogħol mhux biss tal-bidwi iżda wkoll tar-raħħal u tas-sajjied għal valur soċjali.  

Hawn Vassallo jispjega li bidwi flimkien ma sħabu r-raħħal u s-sajjied ma jistax jibqa’ jitqies bħala ċittadin sekondarju. Dan minħabba li “bħala poplu l-għixien tagħna jiddependi mill-ħidma tagħhom.” 

L-aħħar prinċipju hu li jiġi stipulat il-prezz agrikolu. Fuq l-istess ħsieb tal-Ministru Anton Refalo, huwa qal li l-prezz tal-art agrikola ma jistax jibqa’ jiġi spekulat skont il-prezz tas-suq preżenti. 

“Iħobbni jew jobgħodni min irid... imma taf li r-raba issa sar suġġett għal ħasil tal-flus? Mela tixtri tomna raba għal €60,000 mhux flus?” jistaqsi Vassallo. 

Hu jinsisti li bi prezzijiet bħal dawn, bdiewa mhux se jlaħħqu. Ifakkar li tomna art tipproduċi madwar €3,000 fis-sena, u lanqas “jekk jieħu pitkalija xogħol, mhux se jlaħħaq ma’ prezz daqsekk għoli l-bidwi.” 

Għaldaqstant hawn Vassallo ammetta li dan ifisser li l-proposta tal-Gvern innifisha mhux vijabbli minħabba li l-ewwel irid jitranġa l-prezz tal-art biex isseħħ. 

“Jien mhux se nidħak bin-nies, aħna qegħdin nagħmlu l-proposti tagħna imma issa ejja ma nagħmlux il-karrotta mdendla fejn il-fenek ma jilħaqx.  Prezz tal-art agrikola ma jistax jibqa’ kif inhu. Qed nitilfu l-aħħar ftit raba,” tenna Vassallo. 

Hawn huwa jsemmi kif trid issir ġustizzja sħiħa, ma’ sid l-art, mal-bidwi u l-prinċipju tad-dominju soċjali. Żied jgħid li “l-art hija tas-sid, imma x’jiġri fuq dik l-art hemm effett fuq poplu sħiħ.” 

Ma jaqbilx li l-art għandna tiġi mikrija għal picnics 

Huwa fatt magħruf issa li hawn sidien li qegħdin ikeċċu lill-bdiewa u jikru l-istess art, ħafna drabi raba saqwi, għal picnics. Il-gazzetta ILLUM staqsiet lid-Deputat Nazzjonalista jekk ma jaqbilx li dan jibqa jsir u jekk le x’għandu jsir biex dan jitwaqqaf. 

Huwa dlonk qal li ma jaqbilx avolja jirrispetta li sid l-art għandu drittijiet tiegħu. Minkejja dan ir-rispett, huwa iktar importanti għal Vassallo li nħarsu l-provvista tal-ikel frisk. 

Bl-istess appell, kemm tal-Ministru Anton Refalo u anke tal-koordinatur ta’ Għaqda Bdiewa Attivi, Malcolm Borg, Vassallo jfakkar li f’każ li xi darba f’dan il-pajjiż jiġri xi ħaġa, simili tal-pandemija jew agħar, il-pajjiż jrid jiddependi fuq il-provvista tal-ikel Malti. Dan mhux se jkun possibli jekk “nibqgħu nitilfu r-raba’, lill-bdiewa, lir-raħħala u lis-sajjieda.” 

Mistoqsi x’jagħmel Gvern taħt amministrazzjoni Nazzjonalista, r-risposta ta’ Vassallo kienet qasira u sempliċi, “ma neħliex sena.” 

Hawn fejn Vassallo reġa’ dar fuq il-valur soċjali tal-bidwi Malti li skont hu mhux jiġi mifhum la mill-Qrati Maltin u lanqas mill-Ministru għax kieku “bil-konsulenti kollha li għandu l-Gvern suppost għamilha fi ftit ġimgħat.” 

‘Meta l-gvern ried jieħu xi ħaġa bis-serjetà, ħadha u ressaq liġi .. allura issa għaliex sena?’ 

Mistoqsi mill-ILLUM jekk jaqbilx ma’ Anton Refalo meta qal li “l-kabinett hu konxju li ma għandhiex tittieħed l-art tal-bdiewa,” Edward Vassallo fil-pront jwieġeb li ma jaqbilx. 

Skont hu, il-Gvern qiegħed jgħaddi biż-żmien il-poplu Malti anke jekk vera hu konxju li r-raba m’għandhux jittieħed. “Ir-raba baqa’ jittieħed bħal mar-raba baqa’ jittieħed minn Ian Borg. Ir-raba il-Gvern ma jimpurtahx minnu, kieku jimpurtah minnu ma kienx idum sena jiprepara liġi,” tenna Vassallo. 

Żied jgħid li l-Gvern ma jridx isolvi l-problema għax kieku ried, solviha. Insista li fejn ried isolvi problema, il-Gvern daħal u għamel bidliet neċċesarji, f’ċerti ċirkostanzi jonfoq ukoll miljuni ta’ euros.  

“Allura, issa l-problema? Minn ħames snin idum sena biex tipprepara liġi b’dawk il-ministri kollha? U tridni nemmnek sur Gvern li inti u l-kabinett tiegħek preokkupat? Mhux vera! Kieku għandek rieda, kieku wasalt. Mela l-problema tiegħek, m’għandekx ħila, m’għandekx kompetenza u min m’għandux ħila m’għandhux iżomm dak il-post,” qal Edwin Vassallo. 

Temm ifakkar li meta qed tagħti bis-sieq lil bidwi, lir-raħħal, lis-sajjied qed tagħti bis-sieq lill-ikel malti u “bħalissa hekk qed jagħmel il-Gvern.”  

“Għandi rispett kbir lejk Ministru, meta trid niġi npoġġi miegħek, imma tgħaddinix biż-żmien.” 

More in Politika