'Iż-żebliħ li rajna meta intalbet l-għajnuna fit-tfittxija ta' Diriye huwa kundannabbli'

Il-Ministru Owen Bonnici jikkritika bil-qawwa lingwaġġ ta' mibgħeda u jwissi li hemm linji li ma jistgħux jinqabżu

Ritratt ILLUM (Marianna Calleja)
Ritratt ILLUM (Marianna Calleja)

"Huwa kundannabbli iż-żebliħ li assistejna għalih meta intalbet l-għajnuna tal-pubbliku fit-tfittxija ta' Ahmed Diriye, qabel ma rriżultaw fatti oħra tal-każ." Hekk sostna l-Ministru tal-Ugwaljanza Owen Bonnici fuq kummenti li saru fuq il-midja soċjali dwar ħaddiem immigrant li kien miet iżda li l-Pulizija ħasbu li fil-fatt kien nieqes. Il-misteru tal-identità ta' Diriye qajjem mistoqsijiet dwar persuni li jkunu jgħixu Malta u ftit ikunu jafu bl-identità tagħhom. Diriye kien ilu jgħix Malta mill-2004.

Bonnici sostna li Diriye huwa f’mewtu "vittma ieħor tad-deumanizzazzjoni ta’ persuni ta’ ġilda sewda."

il-Gvern huwa determinat li, filwaqt li ma jxekkel bl-ebda mod id-dibattitu demokratiku dwar id-diversità, fl-istess ħin inkunu ċari li hemm linji ma jistgħux jinqabżu Owen Bonnici

"Ninsab ċert li l-maġġoranza tal-poplu huwa ixxukkjat li għad hawn min iħossu li jista’ juża il-mezzi soċjali għall-kliem ta’ mibgħeda u xenofobija; il-Gvern huwa determinat li, filwaqt li ma jxekkel bl-ebda mod id-dibattitu demokratiku dwar id-diversità, fl-istess ħin inkunu ċari li hemm linji ma jistgħux jinqabżu."

Bonnici sostna li l-mibgħeda m’hemmx postha fostna. "Il-mibgħeda bil-kliem twassal għal reati ta’ mibgħeda, b’konsegwenzi traġiċi. Dan huwa il-messaġġ li qed ngħaddu fid-diversi miżuri fl-Istrateġija l-ġdida Kontra r-Razziżmu li bdejna nimplementaw din is-sena stess, b’mod parallel mal-infurzar tal-liġijiet eżistenti," temm jgħid il-Ministru. 

More in Politika