Il-President George Vella jiffirma l-liġi tal-kannabis

Il-President Vella ifakkar li kien ‘obbligat’ li jiffirma liġi li għaddiet mill-Parlament għaliex ma jistax imur kontra l-Kostituzzjoni

Il-President ta' Malta issa ffirma l-liġi tal-kannabis, li għaddiet mill-Parlament nhar it-Tlieta. Intant aktar kmieni din il-ġimgħa, f’ kommemorazzjoni ta' Jum ir-Repubblika l-President ta’ Malta George Vella għamilha ċara li l-President, bħala parti ċentrali mill-Istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż, ma’ jistax imur kontra l-vuċi tal-Parlament, għaliex fl-aħħar minn l-aħħar, il-Parlament ġie elett mill-poplu.

Għaldaqstant, il-President saħaq li jekk jopponi għal liġijiet mgħoddija demokratiment, huwa jkun qiegħed imur kontra l-Kostituzzjoni. “L-irwol ta’ President mhuwiex li jqum filgħodu u jiddeċiedi jekk jaqbilx ma’ ħaġa jew oħra. Il-Parlament huwa l-post fejn isiru l-liġijiet ta’ pajjiżna,” qal il-President Vella.

Huwa spjega li filwaqt li l-vuċi popolari, l-għajta tan-nies, min-naħa tal-President, jismagħha, “li jista’ jagħmel biha huwa li jwassal ħsibijietu lil min qiegħed fil-poter, lill-Eżeuttiv li għandu s-saħħa li jagħmel il-liġijiet, u jista’ forsi jtih il-parir tiegħu. Però bl-ebda mod ma jista’ l-President, bil-Kostituzzjoni tagħna, jimponi d-deċiżjonijiet tiegħu fuq dak ta’ ħaddieħor, li qed jirrappreżentaw fil-Parlament,” spjega Vella.

Minn naħa l-oħra, l-President fakkar, li huwa xorta ma’ jimponix fuq il-Kostituzzjoni, anke jekk ikollu oġġezzjoni morali gravi. F’dak il-każ huwa jgħid li, “jippreferi jagħlaq kollox u jitlaq lejn id-dar milli jiffirma dik il-liġi”.

“Però fejn m’hemmx din il-gravità ta oġġezzjoni, l-obbligu hu bilfors li jrid jiffirma l-liġi li għaddiet il-parlament,” żied il-President. Vella stqarr li bħala President irid jiżgura li l-pajjiż ikollu stabiltà politika u governanza tajba tant li l-pajjiż jibqa’ miexi ‘l quddiem.

Fl-aħħar huwa temm jgħid li, “ħafna jaħsbu li jkollok il-poter li tagħmel li trid, meta inti fuqek għandek il-liġi suprema, li hija l-Kostituzzjoni. Ix-xewqat tagħna nistgħu nwassluhom meta  nagħżlu lil min se jmexxina, meta nagħżlu lil min se jirrappreżentana fil-Parlament, lil min qed iwiegħda ċertu affarjiet.”

X'tgħid din il-liġi? Kulħadd ipejjep fejn irid? Kannabis għal kulħadd?

1. Pussess ta’ massimu ta’ seba' grammi ghall-użu personali mhux se jitqies bħala reat u mhux se jagħti lok ta' proċeduri tal-Qorti. Sakemm mhux fuq ċirkostanzi ta’ suspett ta’ traffikar. Hemm il-pulizija għandha d-dritt li tinvestiga.

2. F'każ ta' persuni li jinqabdu b' bejn tmien grammi u 28 gramma, dawn ikollhom jitilgħu quddiem tribunal lokali. Il-persuna tista’ teħel multa u l-kannabis tiġi kkonfiskata. Jekk ikun hemm suspett li l-kannabis ma jkunx għall-użu personali l-pulizija jkollha d-dritt li tintervjeni wkoll.

3. Minuri, jiġifieri persuni taħt it-18-il sena, b’pussess iridu jidhru quddiem tribunal lokali u jiġu mgħotija pjan ta' għajnuna.

4. Il-kannabis ma tistax tiġi kkunsmata fil-pubbliku, bl-eċċezzjoni għal dawk li jingħataw parir mediku biex jikkunsmawha bħala mediċina.

5. Jekk tikkonsma l-kannabis quddiem xi ħadd li mhuwiex adult, dik il-persuna tista’ teħel multa.

6. Il-kultivazzjoni tal-pjanti. It-tkabbar ta’ pjanti tal-kannabis huwa permess sa’ massimu ta’ erba’ pjanti. Dan mhux se jkun reat kriminali u lanqas amministrattiv, jiġifieri ma teħilx multa lanqas. Erba’ pjanti huma permessi għal residenza waħda biss, lil hinn minn kemm hemm persuni fiha.

7. Huwa permess li persuna tkun f’pussess ta’ massimu ta’ 50 gramma kannabis niexfa.

8. Il-pjanti li se jiġu kkultivati d-dar għandhom jitkabbru f’post li ma jidhirx u għaldaqstant ma jdejjaqx lil dawk fil-viċinanza. Il-Ministru Bonnici tenna li l-pjanti għandhom bżonn temperatura u dawl apposta allura m’hemmx bżonn tal-elementi tan-natura (xemx, ħamrija, eċċ.)

9. Persuni li nqabdu b’użu personali ta' kannabis biss u mhux traffikar u jekk din tniżżlet fuq il-kondotta tagħhom issa se tkun tista’ titneħħa mill-kondotta.

X’inhu mistenni mill-assoċjazzjonijiet ?

1. L-assoċjazzjonijiet tal-kannabis mhumiex negozji. 

2. Il-membri tal-assoċjazzjoni għandhom jkollhom aktar minn 18-il sena.

3. Mhux permess tipjip fl-outlets tal-assoċjazzjonijiet.

4. Persuna ma’ tistax tkun membru ta’ aktar minn organizzazzjoni waħda.

5. B’kollox assoċjazzjoni ma jistax ikollha aktar minn 500 grammi.

6. Membru jista’ jingħata seba' grammi kannabis kuljum sa’ massimu ta’ 50 gramma fix-xahar u l-assoċjazzjoni se tagħti sa' 20 żerriegħa.

7. L-outlets tal-assoċjazzjonijiet iridu jkunu 250 metru ‘l bogħod mill-iskejjel jew ċentri li jattendu ż-żgħażagħ.

8. Għandha titwaqqaf awtorità magħmula minn professjonisti, b’esperjenza f’dan il-kamp, li tara li l-liġi qiegħda tiġi segwita.

9. Kull tliet xhur, l-assoċjazzjonijiet iridu jagħtu rendikont tan-numru ta’ membri msieħba magħhom, mingħajr ma jiġi żvelat l-identità tagħhom.

 

More in Politika