Grech jerġa' ma jeskludix bojkott tal-Parlament bħala protesta kontra l-Ispeaker

'L-Ispeaker tal-Kamra suppost qiegħed hemm biex ikun imparzjali, biex jiddefendi r-Repubblika u mhux lill-Gvern'

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Waqt intervista mal-Profs Andrew Azzopardi, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech reġa' ma eskludiex bojkott tal-Parlament bħala protesta kontra l-Ispeaker Anglu Farrugia, hekk kif kienet żvelat il-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd li għadda. Meta mistoqsi fuq dan ir-rigward, huwa saħaq li minkejja li jippreferi metodi oħra, ma jeskludi l-ebda azzjoni. Jisħaq li hu għandu jkun fil-Parlament preżenti u jibqa' jwassal il-messaġġ u jipparteċipa. 

Huwa qal li huwa inaċċettabbli li l-Ispeaker tal-Kamra Anglu Farrugia jgħid li, qiegħed hemm biex jiddefendi lill-Gvern tal-pajjiż.

"Din aċċettabbli? L-Ispeaker tal-Kamra suppost qiegħed hemm biex ikun imparzjali, biex jiddefendi r-Repubblika u mhux lill-Gvern," qal il-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Huwa qabbel is-sitwazzjoni ta' pajjiżna ma' dik tal-House of Commons fl-Ingilterra. "X'differenza! Fejn din il-ġimgħa l-Ispeaker Ingliż qal lil Prim Ministru Boris Johnson, 'jien niddeċiedi mhux int'. Kellu bżonn l-Ispeaker kellu dik l-istamina u r-rieda. Kieku verament, il-gwardjan tal-Parlament allura jkun assertiv," temm jgħid Grech. 

 

More in Politika