Id-Dwana interċettat u kkonfiskat aktar karozzi li nsterqu mill-Kanada u li nstabu moħbija f’kontejners li kienu għadhom kemm waslu Malta.
Fil-fatt, fl-aħħar siegħa, instabu u ġew ikkonfiskati 12-il vettura oħra biex hekk it-total ilaħħaq l-24 karozza. Dawn il-vetturi kienu abbord bastimenti li waslu Malta iżda li kienu fi triqithom lejn Abu Dhabi.
Fi stqarrija, id-Dwana spjegat li l-Pulizija fil-Kanada identifikat grupp kriminali u wettqet numru ta’ rejds u arresti. Dan wara l-informazzjoni li rċeviet minn Malta u li kkonfermat li l-karozzi kollha li ġew ikkonfiskati kienu misruqa.
Waqt ir-rejds, jidher li nstabu aktar vetturi misjuqa, informazzjoni dwar it-tbaħħir u anke ammont ta’ flus.
Jidher li ukoll li żewġ vetturi li laħqu waslu Malta u ġew ikkonfiskati kienu misruqa bi vjolenza.
L-istess investigazzjoni waslet biex jiġu identifikati numru ta’ kontejners oħra b’vetturi misruqa li kienu lesti biex jiħallu l-Kanada.
Dalgħodu, l-awtoritajiet fil-Kanada rringrazzjaw lid-Dwana Maltija għal din l-operazzjoni.
Din hija l-lista tal-vetturi kollha li nsterqu u li nstabu Malta:
- Sitt Lexus RX350;
- Ħames Ford pick-ups F450;
- Tliet Ford Expedition SUV;
- Żewġ Jeep Grand Cherokee SUV;
- Żewġ Mercedes G63
- Jaguar F-pace;
- Mustang;
- Ford 150;
- Range Rover Velar;
- Jeep Rubicon; u
- Honda CRV.