100 sena ta' films lokali: Il-Malta Film Awards fi Frar 2022

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech jisħaq fuq l-importanza ta' dawk kollha li jaħdmu f'dan is-settur...

Il-Kummissjoni tal-Films nediet l-ewwel edizzjoni tal-Malta Film Awards, li matulha se jiġu ċċelebrati s-suċċessi tal-crew u cast lokali fl-industrija tal-films u t-televiżjoni tul dawn l-aħħar 100 sena. 

L-ewwel edizzjoni ser tkun qed turi l-apprezzament tal-cast u crew lokali tul is-snin, waqt li tħejji t-triq għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. 

It-tema’ magħżula hija "Celebrating Our Story", ddedikata lil kull min ħadem u qed jaħdem fl-industrija tal-films u t-televiżjoni. Ġurija esperta se tikkonsisti minn nies professjonali mill-qasam tal-arti, kemm lokali u kif ukoll internazzjonali.

Il-Kummissarju tal-Films u CEO tal-Malta Film Studios, Johann Grech emfasizza fuq l-importanza li t-talent lokali tal-cast u crew tkun dejjem apprezzata. "Kienet l-ambizzjoni tan-nies tagħna, il-ħila tal-crew tagħna li żammew l-industrija tal-films f’pajjiżna għaddejja minn ġenerazzjoni għal oħra.v Il-viżjoni tal-Kummissjoni tal-films u l-Public Broadcasting Services (PBS) għandhom l-istess għan u għalekk qed jingħaqdu flimkien biex itellgħu serata spettakolari," temm jgħid Grech.

Mark Sammut, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-PBS qal li "il-Malta Film Commission u l-PBS, qed jingħaqdu flimkien biex jippremjaw il-bżulija u l-kreattivita ta’ dawk li ħadmu fit-televiżjoni u fil-films, tul din l-istorja ta’ suċċess."

Il-Ministru inkarigat mill-PBS, Carmelo Abela sostna li minkejja l-limitazzjonijiet tal-kobor tal-gżejjer tagħna, Malta xorta ospitat numru kbir ta' produzzjonijiet prestiġġjużi "u għalhekk permezz tal-Malta Film Awards ħa nkunu qed nirrikonoxxu t-talent lokali." 

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo esprima ottimiżmu għal futur u ta' suċċess tan-nies li qed jagħmlu parti mill-industrija tal-films f'Malta. Huwa saħaq li issa huwa l-mument li "tingħaqdu magħna ghal-darb’ oħra ħalli nkomplu niktbu din l-istorja ta’ suċċess, għall-mitt sena li ġejjin."

Il-Malta Film Awards ħa tkun qed tittella' fis-sala ta’ Dar il-Mediterran fi’ Frar 2022. L-applikazzjonijiet huma miftuħa mill-Erbgħa 29 ta’ Settembru sal-Ġimgħa 29 ta' Ottubru 2021.

Għal aktar informazzjoni żur: www.maltafilmawards.com

More in Politika