Il-Beltin issa għandhom klinika tal-komunità fil-binja tal-Kunsill Lokali

Din il-klinika se toffri servizzi ta’ klinika tat-tabib tal-familja, klinika tal-infermiera, podjatrija, patoloġija tal-lingwa mitkellma, u  teħid ta’ demm.

Għall-ewwel darba, il-belt kapitali ta’ Malta għandha klinika fil-komunità li min-nhar it-Tnejn li ġej se tibda toffri servizzi ta’ kura primarja lir-residenti. 

Din il-klinika kienet waħda mill-prijoritajiet tas-Sindku tal-Belt Valletta Alfred Zammit li tkellem diversi drabi dwarha waqt id-diversi intervisti li kellu mal-gazzetta ILLUM.

Fil-fatt il-Kunsill Lokali Belti offra parti sostanzjali mill-binja tiegħu għal dan il-għan bl-awtoritajiet tas-saħħa jieħdu ħsieb jimplimentaw dan il-proġett.

Waqt l-inawgurazzjoni tal-berġa d-Deputat Prim Minsitru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fisser kif din il-klinika se toffri servizzi ta’ klinika tat-tabib tal-familja, klinika tal-infermiera, podjatrija, patoloġija tal-lingwa mitkellma, u teħid ta’ demm.

Fearne fakkar fl-impenn tal-Gvern sabiex jinfetħu bereġ ġodda u jiġu rinovati dawk eżistenti f’kull lokalità. Kompla jfakkar kif fl-aħħar sentejn diġà tlestew erbatax-il klinika filwaqt li għaddej ix-xogħol fuq ħames lokalitajiet oħra. 

Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lill-Kunsill tal-Belt Valletta u lis-Sindku Alfred Zammit talli kienet offruta l-binja tal-kunsill għal dan il-proġett u lill-ħaddiema tal-kura primarja għax-xogħlijiet li saru. 

“Sodisfatt li wasalna!”, insista s-Sindku waqt li kompla jispjega s-servizzi li se jkunu qed jingħataw f'din il-binja waqt li rringrazzja lill-awtoritajiet tas-saħħa li wettqu din il-ħolma tal-Kunsill Lokali Belti.

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat qal li investiment bħal dan jeħtieġ il-fondi, iżda m’għandux ikun it-taxpayer Malti li jġorr il-piż.

“L-NDSF huwa l-fond li qed jagħmel dan il-proġett possibbli minn aspett finanzjarju”, spjega s-Segretarju Parlamentari.

Qal li l-berġa tal-Belt hija parti minn kullana ta’ bereġ li ngħataw ħajja ġdida jew ġew inawgurati, b’investiment ta’ €10 miljun.

More in Politika