213-il żagħżugħ xtraw darhom permezz tal-Home Deposit Scheme

Il-Gvern qed jgħin lil dawk li jkunu se jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom u li minkejja li huma eliġibbli għal self fuq djar, ma jkollhomx l-assi meħtieġa biex iħallsu d-depożitu ta’ 10% fuq il-konvenju

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega kif f'sena, 213-il żagħżugħ sar sid ta' dahru bis-saħħa tal-Home Deposit Scheme, filwaqt li 70 applikant dalwaqt ħa jiffirmaw l-kuntratt finali. 

Din l-iskema qed toffri għajnuna lil dawk li se jkunu se jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, li għandhom taħt l-40 sena u li minkejja li huma eliġibbli għal self fuq djar, ma jkollhomx l-assi meħtieġa biex iħallsu d-depożitu ta’ 10% fuq il-konvenju.

Dawn iż-żgħażagħ li ħafna drabi ma jfaddlux għax ikunu għadhom qed jistudjaw qed jiġu assistiti fil-ħlas tad-depożitu.

L-ammont massimu ta’ flus li l-Gvern qed joħroġ huwa dak ta’ €17,500 u dawk eliġibbli ma jħallsux interessi fuq dan is-self hekk kif dan jitħallas mill-Gvern. 

Minn mindu daħlet fis-seħħ din l-iskema f’Ġunju 2020, sa issa, madwar 323 żagħżugħ, b’uħud minnhom koppji, applikaw biex isiru sidien ta’ darhom grazzi għal dan is-self mingħajr interessi, fejn is-self medju tad-depożitu kien dak ta’  €15,992.  

“Din hija wirja ta’ kemm il-Gvern qed jaħseb fil-futur taż-żgħażagħ tagħna u kif bi ftit għajnuna dawn l-individwi qed jimxu ’l quddiem u eventwalment qed jirnexxielhom jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom,” saħaq il-Ministru Galdes.

Preżenti għal konferenza kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay.

More in Politika