Filmat | Mart Keith Schembri akkużata b'ħasil ta' flus; Tingħata l-ħelsien mill-arrest

Apparti Schembri kienet akkużata wkoll il-kumpanija tagħha 3City Designs Ltd

Josette Schembri Vella malli ħarġet mill-Qorti
Josette Schembri Vella malli ħarġet mill-Qorti

Josette Schembri Vella u l-kumpanija tagħha 3City Designs Ltd, tressqu l-Qorti akkużati b’ħasil ta’ flus li jammonta għal €1.5 miljun.

Schembri Vella, li għandha 45 sena, hija mart l-eks Chief of Staff Keith Schembri li wkoll qed jiffaċċja akkużi ta’ ħasil ta’ flus, fost oħrajn.

Hija qed tkun akkużata b’ħasil ta’ flus li seħħ bejn l-2008 u l-2020 u li falliet milli tosserva d-doveri tagħha bħala direttur tal-kumpanija.

Id-Difiża lmentat għall-fatt li l-Prosekuzzjoni ma kinitx f’pożizzjoni jew inkella ma riditx tgħid x’wassal eżatt għal dawn l-akkużi.

Insistiet li huwa inkwetanti kif diversi persuni qed jispiċċaw jitressqu akkużati b’ħasil ta’ flus, sempliċiment biex jitħaffu dawn il-kawżi għax Malta spiċċat fuq il-lista l-griża tal-FATF.

L-Avukat Edward Gatt qal ukoll li l-akkużi li tressqu llum ma kellhom xejn x'jaqsmu mal-evidenza li Schembri Vella kienet murija mill-Pulizija. Fi kliemu dan huwa "abbuż kbir ta' poter."

Schembri Vella wieġbet mhux ħatja tal-akkużi u ngħatat il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000.

More in Politika