‘F’ħames snin 109,000 persuna sfaw vittma ta’ reat kriminali ... ma ninsewhomx’

Il-kriminologu Saviour Formosa jisħaq mal-ILLUM li dak kollu li jkun propost ‘għandu jkun ibbażat fuq il-fatti u mhux fuq l-emozzjoni’ waqt li appella biex id-diskussjoni ma tiqafx biss mal-ħabs jew it-tmexxija imma tħares lejn l-istampa l-wiesgħa

Il-kriminologu, il-Professur Saviour Formosa, spjega mal-gazzetta ILLUM li f’ħames snin, bejn l-2015 u l-2020, 109,149 persuna sfaw vittma ta’ reat kriminali, bi kważi 18,000 minnhom ikunu anzjani li għandhom aktar minn 60 sena. Mill-banda l-oħra, fl-istess perjodu, daħlu il-ħabs medja ta’ 1,000 persuna fis-sena, jiġifieri madwar 5,000 persuna f’ħames snin.

Kien f’dan id-dawl li l-Professur Formosa saħaq mal-gazzetta ILLUM li kwalunkwe ħaġa li tiġi proposta dwar il-ħabs u dak kollu li għandu x’jaqsam miegħu, il-kriminalità u l-priġunieri, għandu jkun ibbażat fuq il-fatti u mhux fuq l-emozzjoni.

“Fejn tidħol il-kriminalità m’hemmx emozzjoni. Hemm biżżejjed vittmi. Kulma nipproponu jrid ikun ibbażat fuq il-fatti u mhux fuq l-ispekulazzjoni,” insista Formosa. 

Fakkar kif bħalissa hemm diversi inkjesti għaddejin dwar il-ħabs u twaqqaf bord biex jinvestiga l-proċeduri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Fi kliemu, wieħed għandu jistenna l-eżitu ta’ dawn il-proċessi u jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li dawn jagħmlu.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Professur Formosa fid-dawl ta’ diversi rapporti u kritika li qed issir bħalissa fuq it-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva u anke wara l-100 proposta li ressqu l-Professur Andrew Azzopardi u l-ġurnalist Peppi Azzopardi għall-ħabs u għad-drittijiet tal-priġunieri infushom.

Formosa insista li f’Malta minn dejjem kien hawn “il-problema” li l-enfasi jitpoġġa aktar fuq l-aggressur milli fuq il-vittma u fi kliemu dan żdied bi programmi, bħalma kien Xarabank, li poġġa ħafna enfasi fuq it-tajjeb tal-priġunier. Insista li dan huwa pożittiv sakemm ma jkunx għad-dettriment tal-vittmi u l-familji tagħhom.  

Insista li l-kriminoloġija ma tistudjax biss il-kriminal. “Jiġri x’jiġri, l-aggressuri u l-kriminali se jibqgħu hemm u se jibqgħu jiżdiedu u jinbidlu. Illum il-kriminal mhuwiex dak li jmur jisraq xkora patata biss, imma l-kriminal sar aktar sofistikat u għalhekk il-vittma qed ibati aktar,” saħaq. “Qed niffukaw fuq ħaġa waħda biss. Niffokaw fuq siġra waħda u ninsew li qegħdin ġo foresta sħiħa.”

‘Ma nistgħux niffukaw fuq parti biss mill-problema’

Iżda l-ILLUM tistaqsih x’qed jagħmlu ħażin dawk li qed jitkellmu favur id-drittijiet tal-priġunieri. Formosa insista li hu assolutament mhux qiegħed jikkontesta dan jew jiġġustifika dak li allegatament qed isir fil-ħabs, anzi faħħar is-suċċess li għamlu għaqdiet bħar-RISe u anke Mid-Dlam għad-Dawl li jaħdmu mill-qrib mal-priġunieri għar-rintegrazzjoni tagħhom fis-soċjetà. 

“Jiena qed ngħid biss li ma nistgħux niffukaw biss fuq parti mill-problema,” spjega. Kien hawn li bħala eżempju semma l-medjazzjoni u staqsa kemm kien hemm vittmi li marru jitkellmu mal-aggressur. 

Il-Kriminologu Saviour Formosa
Il-Kriminologu Saviour Formosa

“Din ma ħadmitx daqs kemm xtaqna. Jiena naħseb li qed ninjoraw l-isfida vera u qed niffukaw fuq l-attakki personali, ” kompla. “Jiena mhux se nitkellem fuq jekk direttur għandux jitneħħa jew le. Dak hemm proċessi u proċeduri u mhux iqum xi ħadd filgħodu u jiddeċiedi jekk jafx jgħajjat.”

‘Qabel kienu jmutu bl-overdose u llum bis-suwiċidju ... xorta gravi’

Insista li l-vera sitwazzjoni hija li Malta kellha ħabs li, fi kliemu, ma għandha qatt tmur lura għalih. Qal li meta beda r-riċerka tiegħu hu, il-ħabs kien immexxi minn Amerikan li kien iffissat fuq ir-reliġjon u “biddel il-ħabs f’tempju.”

“Konnha nżewġu l-priġunieri, inġibuhom fuq it-televiżjoni u jmur il-Ministru. Imma kienet biss qoxra,” insista. Saħaq li rieda vera li l-affarijiet jinbidlu ma’ kienx hemm, sakemm bdew imutu persuna wara l-oħra bl-overdoses.

“Illum ma jmutux bl-overdoses. Qed imutu bis-suwiċidju. Gravi ħafna xorta waħda. Imma jiena naħseb li qed nibnu monstru minn monstru ieħor. Il-ħabs huwa dak li hu, mhux faċli timmaniġjah. Il-ħabs l-aktar li jesa 600 persuna. Tista’ tispjegali kif se timmaniġja 1,000 ruħ?”, kompla jistaqsi. Insista wkoll li b’Pulizija u Qrati aktar effiċjenti u b’aktar riżorsi, in-nies li jidħlu l-ħabs se jiżdiedu u mhux jonqsu.

Iċċara u insista fuq il-punt li kemm ir-renju tal-biża’ iżda anke r-renju tal-free for all huma estremi u għandhom jiġu mitigati. 

‘Id-diskussjoni ma tistax tkun ibbażata fuq persuna imma fuq struttura sħiħa’

Saħaq li hemm ħafna x’jista’ jsir u li hu ilu ħafna żmien jitkellem anke fuq miżuri, bħalma hija dik tat-tagging (li hu pproniha fuq firxa aktar wiesgħa) li issa qed terġa’ tkun proposta. Fi kliemu, meta pproponiha hu, spiċċa quddiem il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data.

“Id-diskussjoni ma tistax tkun ibbażata fuq persuna jew oħra. Id-diskussjoni għandha tkun fuq l-istruttura sħiħa,” kompla jisħaq.

Il-Professur Formosa insista li ħafna drabi, aktar milli l-istorbju, il-ħidma ssir fis-skiet u għandha tkun ibbażata fuq il-fatti. Fakkar li r-riforma fil-Pulizija kienet frott snin ta’ ħidma fis-skiet u li llum bdiet tħalli l-frott tagħha.

Madanakollu l-ILLUM tistaqsih jekk jaħsibx li saru proposti tajbin u insista li hemm ħafna punti li jaqbel magħhom fosthom dik li jkun hemm Ombudsman għall-ħabs u l-probation.

‘U l-vittma li qiegħda hemm barra? X’se jsir minnha?’

Iżda l-ILLUM tkompli tfakkru li r-rati ta’ reċividiżmu qed juru li l-ħabs mhuwiex jiffunzjona. Insista li l-ewwel u qabel kollox wieħed irid jagħmel differenza bejn dik li sejħilha bħala “reentry” u reċividżmu.

Spjega kif fil-ħabs illum hemm nies li daħlu anke aktar minn 80 darba u għalhekk saħaq li waħedha tqum il-mistoqsija jekk din il-persuna tistax tiġi rijabilitata. 

Staqsa wkoll għaliex priġunieri li jingħataw id-dritt li japplikaw għall-parole mhux qed jagħżlu dan u minflok qed imorru għar-remission, jiġifieri jippreferu jagħmlu ftit aktar snin fil-Faċilità u mbagħad joħorġu mingħajr l-ebda restrizzjoni jew inkella biżgħa li jekk jagħmlu xi ħaġa mill-ġdid se jerġgħu jispiċċaw il-ħabs. 

Fakkar li bil-parole, anke jekk priġunier joħroġ mill-ħabs, f’każ li f’dak iż-żmien li ffranka mill-ħabs iwettaq xi reat, se jerġa’ jidħol minnufih.

“Ma jagħmilx sens li jkun hemm ir-remission meta hemm il-parole. U l-vittma li qiegħda hemm barra? X’se jsir minnha?”, kompla jistaqsi l-kriminologu. 

‘L-età ta’ responsabbilità kriminali għandha tonqos mhux tiżdied’

Semma wkoll il-fenomenu magħruf bħala ‘crime family.’ Insista li riċerka ta’ Janice Formosa Pace turi kif f’Malta hawn 622 crime family, li jfisser li terz tal-persuni li jidħlu l-ħabs jappartjenu għal dawn il-familji. Saħaq li dwar dan ħadd mhu jitkellem.

Tkellimna wkoll fuq il-kwistjoni dwar jekk tfal jew adoloxxenti għandhomx jispiċċaw il-ħabs. Fakkar kif ftit tas-snin ilu, Malta għolliet l-età ta’ responsabbilità kriminali minn disa’ snin għal 14-il sena.

“Kellna każi ta’ tfal ta’ erbatax-il sena li wettqu reati kbar,” insista. Kien hawn li saħaq li filwaqt li hawn min qed jargumenta li l-età ta’ responsabbilità kriminali għandha tiżdied għal 18-il sena, hu jemmen bil-kontra, jiġifieri li għandha terġa’ tonqos għal disa’ snin.

“Fl-aħħar snin rajna li fejn hemm il-familji fil-kriminalità, dawn qed jużaw din il-bidla fil-liġi, biex iqabbdu tfal li għandhom inqas minn 14-il sena, biex iwettqu r-reati. Jekk se nżiduha għal 18-il sena, se jkollna rebus assolut. Min qed jipproponi dan, ma għandux idea tal-fatti. L-umanità għandha tkun hemm imma l-ewwel irridu nifhmu r-realiżmu tal-kriminalità u t-terrur tal-vittma,” kompla jisħaq. “Qatt kont vittma ta’ assalt, ta’ stupru quddiem uliedek, ta fastidju għal xhur twal, ta’ fastidju sesswali fuq uliedek, ta’ torturi fuq ġismek, ta’ swat, ta’ vvalenar? Esperjenzajt xi qtil ta’ qarib tiegħek b’daqqa ta’ mazza? Ma ninsewx lill-vittmi.”

‘L-Istrateġija għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità qed taħdem’

Insista wkoll li qed isir ħafna diskors u proposti biex il-kriminali jibdew joħorġu aktar biex jaħdmu u biex jagħmlu xogħol fil-komunità u hawn anke l-Qrati bdew jiċċaqilqu. Insista li l-edukazzjoni u x-xogħol huma importanti u saħaq li dan juri kemm jagħmel sens dak li huwa mniżżel ċar u tond fl-Istrateġija għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità.

“Li kieku din l-Istrateġija ma ħadmitx, la hemm il-Pulizija tal-Komunità li issa huwa mifrux f’ħafna lokalitajiet u riformi oħra li ddaħħlu fis-seħħ fil-Pulizija u anke fil-ħabs. Jiġifieri dawn lanqas ħarsu lejn id-dokumenti u l-miżuri li diġà ddaħħlu,” insista. “Kollettivament bejn tnejn min-nies daħħalna 40 sena ta’ xogħol, li tinkludi r-riforma u l-istrateġija fil-Pulizija li qed tidħol fis-seħħ. Mhux ġust li qed ngħidu li kollox sar għal-lasta. Ma ninsewx ukoll l-aġenzija għall-vittmi.”

‘Id-dixxiplina fil-ħabs tjiebet ... imma hemm kwistjonijiet soċjali kbar’

Kien hawn li saħaq li jekk hemm bżonn riforma fil-ħabs u l-inkjesti li qed isiru juru dan, din ir-riforma għandha ssir, iżda appella wkoll biex din ma tinbidilx fi kruċjata.

“Ħadd ma tkellem fuq kruċjati fi żmien ilu. Jiena dħalt il-ħabs. Kont immur kuljum. Nagħmel riċerka u nitkellem man-nies. Ir-riċerka tiegħi fuq hekk ibbażata,” saħaq.

Iżda l-ILLUM twaqqfu u tfakkru f’dak kollu li qed jingħad dwar il-ħabs, fosthom il-famuż siġġu li miegħu jintrabtu l-priġunieri, il-ħitan li qed jinżebgħu suwed u l-kampanja ta’ terrur.

“Ħa nkun ċar. Fuq dixxiplina l-ħabs mar ħafna aħjar,” insista. “Hemm imbagħad kwistjonijiet soċjali kbar li jeħtieġ jiġu indirizzati u li qed ikunu mitigati wkoll bl-ingaġġ ta’ professjonisti. Il-ħażin huwa li jitilqu nies li jkunu qed jaħdmu fuq ir-rijabilitazzjoni. Jiena mhux qed ngħidlek li ma hemmx problemi. Kieku ma hemmx problemi ħadd mhu jitkellem. Jiena ma rridx biss li nagħmlu kruċjati.”

‘Ma nistgħux nfajru s-suġġerimenti...inkunu kawti’

Kompla jisħaq li jaqbel assolutament mal-argumenti li l-ħabs ma għandux ikun biss post ta’ dixxiplina imma jsir post fejn il-kriminal ibiddel ħajtu anke permezz ta’ programmi ta’ edukazzjoni u xogħol. 

“Għalhekk għandu jkun hemm l-inkjesti biex kull argument li jsir jew rapport li jkun hemm, ikun investigat. Però din l-investigazzjoni għandha ssir fis-serħan tal-liġi. Ma nistgħux infajru s-suġġerimenti. Is-suġġerimenti jiġu mill-inkjesti,” insista.  

Dwar il-proposta li l-ħabs imur taħt il-Ministeru responsabbli mill-politika soċjali, il-Professur Formosa insista li għandu kull fiduċja fil-Ministru Falzon imma staqsa wkoll fuq liema bażi ta’ riċerka saret din il-proposta.

“Liema pajjiż fid-dinja għandu l-ħabs jaqa’ mhux taħt il-Ministeru għall-Intern jew tal-Ġustizzja?” kompla jistaqsi.

Kien hawn li tenna l-appell biex ikun hemm kawtela f’dak li jingħad u biex dak li jingħad ikun ibbażat fuq fatt.

“Iva fejn hemm kwistjonijiet u nuqqasijiet dawn għandhom jiġi indirizzat,” temm jappella l-Professur. “Batejna qatigħ biex irriformajna l-Pulizija, għamilna passi kbar. Meta l-Istat jieħu bis-serjetà riforma, kapaċi jasal.”

More in Politika