Malta taċċetta wkoll iċ-ċertifikati tat-tilqim tal-Eġittu u l-Libanu

Apparti dawn Malta qed tirrikonoxxi wkoll 12-il ċertifikat tal-vaċċin ieħor maħruġ minn pajjiżi oħra li mhux membri tal-Unjoni Ewropea

L-Awtoritajiet tas-Saħħa u tat-Turiżmu ħabbru li mil-lum, 6 ta’ Settembru 2021, Malta se tkun qed tikonoxxu wkoll iċ-ċertifikat diġitali tal-vaċċin tal-Eġittu u l-karta tar-rekord tat-tilqim tal-Libanu. 

Dan ifisser li persuni li jaslu f'Malta minn dawn il-pajjiżi, ġaladarba jkollhom f'idhom iċ-ċertifikat, ma jkunx hemm bżonn li jagħmlu kwarantina. 

Fi stqarrija ġie spjegat kif dawn iċ-ċertifikati se jkunu rikonoxxuti b’vaċċini approvati mill-Awtorità Ewropea għall-Mediċini, ġaladarba persuna tkun imlaqqma kompletament u jkunu għaddew 14-il ġurnata mill-aħħar doża.

Malta fil-preżent qed tirrikonoxxi wkoll iċ-ċertifikati tal-vaċċin tal-Unjoni Ewropea u tal-Iżvizzera, tat-Turkija, tal-Emirati Għarab Magħquda, tar-Renju Unit, tas-Serbia, tal-Ġibiltà, ta’ Jersey, ta’ Guernsey, tal-Qatar, tal-Albania, tal-Awstralja u kif ukoll ir-record card tal-Istati Uniti.

More in Politika