Il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech u x-xiri tal-armi se tibda l-Ġimgħa

Yorgen Fenech tressaq il-Qorti l-Ħamis li għadda akkużat li fl-2018 xtara għadd ta' armi tan-nar u anke splussivi minn fuq dik imsejħa bħala 'dark web'

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech li issa tressaq ukoll akkużat b'xiri ta' armi mistenni jibda nhar il-Ġimgħa quddiem il-Maġistrat Nadine Lia.

Id-deċiżjoni ttieħdet hekk kif dalgħodu ntagħżlet il-Maġistrat biex tisma' dan il-każ.

Il-Maġistrat Nadine Lia kienet l-istess waħda li kellha tirrikuża lilha nnifisha milli tmexxi l-inkjesta dwar l-impjieg 'fantażma' li kien ingħata Melvin Theuma u anke l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-persuni li ħadmu l-bomba li qatlet lil Caruana Galizia, minħabba rabtiet familjari ma' Pawlu Lia, wieħed mill-Avukati ta' Joseph Muscat, l-eks Prim Ministru.

Yorgen Fenech tressaq il-Qorti l-Ħamis li għadda akkużat li fl-2018 xtara għadd ta' armi tan-nar u anke splussivi minn fuq dik imsejħa bħala 'dark web.'

Huwa kien akkużat li xtara dawn l-armi bi ksur tal-Att dwar l-Armi u anke li ma kellux il-liċenzja neċessarja tal-Kummissarju tal-Pulizija.

Fil-Qorti kien ġie kkonfermat li fil-25 ta' Novembru 2018, Fenech ipprova jixtri għadd ta' armi u anke mijiet ta' munizzjon.

Fenech qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha.

More in Politika