It-tobba tal-familja jappellaw favur ir-remote working sakemm tintlaħaq l-immunità tal-massa

Jinsistu li Malta ma tistax tagħti data preċiża meta tilħaq l-immunità tal-massa għax l-istatistiċi uffiċjali tal-popolazzjoni ma jinkludux ħafna barranin li jgħixu f'Malta iżda li mhumiex irreġistrati

 

Il-Kulleġġ Malti tat-Tobba tal-Familja saħaq li l-fatt li Malta ma tistax tagħti data preċiża meta se tkun qed tilħaq l-immunità tal-massa jista' jkun li qed iżomm lill-awtoritajiet milli jirrilaxxaw aktar miżuri.

Fi stqarrija, il-Kulleġġ saħaq li Malta ma tistax tagħti mira meta se tilħaq l-immunità tal-massa (li ġiet affetwata mill-varjant Delta) għax l-istatistiċi uffiċjali tal-popolazzjoni ma jiħdux inkonsiderazzjoni l-għadd ta' barranin li jgħixu iżda mhumiex irreġistrati f'Malta.

Il-Kulleġġ fakkar ukoll li l-vaċċin inaqqas ir-riskju li persuna timrad serjament bil-Covid-19 u jkollha bżonn tiddaħħal l-isptar iżda ma jfissirx li jneħħi għal kollox ir-riskju li persuna tieħu l-virus.

Irreferew ukoll għall-fatt li hemm entitajiet privati li qed jintroduċi miżuri biex jiddistingwu bejn impjegati li ħadu l-vaċċin u oħrajn le u appellat biex dan isir b'kawtela.

Kompliet tappella biex fejn possibbli, l-organizzazzjonijiet, partikolarment dawk pubbliċi, jippermettu lill-impjegati biex jaħdmu mid-dar sakemm tintlaħaq biżżejjed l-immunità tal-massa.

Insistew li kemm persuni li ħadu l-vaċċin u anke oħrajn li ma ħadux il-vaċċin, xorta waħda jistgħu jitrasmettu l-virus, għal kuntrarju ta' persuni li jkunu bnew l-immunità b'mod naturali u allura x'aktarx li ma jitrasmettux il-virus.

"Nittamaw li ninsabu aktar viċin li jkollna u nibdew nużaw tests tal-immunità aktar milli PCR tests," kompla l-Kulleġġ.

It-tobba tal-familja appellaw ukoll lill-anzjani li għadhom ma ħadux it-tilqima biex imorru joħduha.

Appellew ukoll lill-ġenituri biex jieħdu parir tat-tabib qabel jagħtu l-vaċċin lit-tfal u l-istess għandhom jagħmlu nisa tqal

"Hemm persuni li ma jistgħux jieħdu l-vaċċin minħabba raġunijiet mediċi u ħaddieħor għandu jirrispettahom," temmew jisħqu.

More in Politika