'Id-deċiżjonijiet li qed jittieħdu fil-qasam kulturali mhumiex jagħmlu sens' - Jason Micallef

Micallef jirreaġixxi għall-fatt li l-edizzjoni ta' din is-sena tal-Karnival tas-Sajf u tan-Notte Bianca reġgħu tħassru

Maċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta ma tantx niżlet tajba l-aħbar li Festivals Malta ħassret l-edizzjoni tal-Karnival tas-Sajf u anke tan-Notte Bianca, li normalment isiru fix-xhur ta' Settembru u Ottubru.

Fuq Facebook, Micallef insista li l-pajjiż qed jitħalla fl-għama dwar fejn se jkun qed imur "post Covid."

"L-arti u l-kultura se jibqgħu sfaċċatament diskriminati mill-awtoritajiet tas-saħħa? Is-settur ekonomiku, soċjali, u kulturali fil-Belt Valletta li tant kiseb suċċess fis-snin ta' qabel l-2018 u wara, se nħalluh jitkisser f'biċċiet u jsir frak, meta l-pajjiż kollu vvaċċinat?", staqsa.

Kien hawn li saħaq li d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu "post Covid", partikolarment fil-qasam kulturali, fi kliemu, mhumiex jagħmlu aktar sens.

"Mhux sew li nkomplu nbeżżgħu lin-nies, nisfurzawhom jitlaqqmu, tlaqqam kulħadd, u kulhadd biċ-ċertifikat tal-vaċċin. Issa ġejjin ukoll l-appelli għall-booster, u minkejja kollox, ninsabu f'sitwazzjoni li ma nafux f'liema sitwazzjoni ninsabu!" temm jisħaq Micallef.

 

More in Politika