€850,000 biex tkun installata sistema innovattiva ta' dawl għar-Rotunda tal-Mosta

Il-Bażilika tal-Mosta hija waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin anke għat-turisti. Fis-sena 2019 biss, żaru l-Bażilika madwar 890,000 turist

Investiment ta’ €850,000 se jwassal biex tkun installata sistema innovattiva ta’ dawl estern fis-Santwarju Bażilika ta’ Santa Marija tal-Mosta.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat.

Id-dawl estern ġdid se jenfasizza l-elementi arkitettoniċi tar-Rotunda, juża l-enerġija b’mod effiċjenti, u joħloq l-inqas ammont ta’ tniġġiż possibbli. Id-dawl se jkun ikontrollat permezz ta’ sistema ċentralizzata, b’mod li jista’ jinbidel skont l-okkażjoni.

Ta' min ifakkar li r-Rotunda tal-Mosta hija waħda mill-attrazzjonijiet ewlenin anke għat-turisti. Fis-sena 2019 biss, żaru l-Bażilika madwar 890,000 turist.

Il-Perit Franck Franjou spjega li d-disinn tad-dawl huwa ntiż biex jagħti ċertu dija lill-binja u lill-elementi speċifiċi tagħha, bħall-kolonni, bjut u niċeċ.

Dan kollu se jsir bl-għan li kulħadd ikun jista’ japprezza d-dettalji tar-Rotunda, b’mod sottili u mhux eżaġerat, u b’mod li jżid il-valur storiku, kulturali u artistiku tal-binja. 

L-Arċipriet tal-Mosta Dun Bastjan Caruana, esprima sodisfazzjon għall-fatt li din il-ħolma ta’ bosta se ssir realtà.

More in Politika