Żieda ta' 260 persuna akkużati b'reat f'Għawdex f'sena biss

Serq, ħsarat, vandaliżmu, vjolenza domestika u ġlied - huma r-reati l-aktar li saru rapporti fuqhom f'Għawdex matul l-2019 u l-2020. Matul dawn is-sentejn kien hemm biss rapport wieħed ta' mibgħeda razzjali... 

B'kollox fil-gżira ta' Għawdex kien hemm 816-il rapport fl-għases tal-pulzija fl-2019 u 747 fl-2020 għal total ta' 1,563 rapport lill-pulizija, bl-aktar rapporti komuni jkunu kemm dawk li jitrattaw serq kif ukoll dawk li jitrattaw reati bħal vandaliżmu jew ħsarat fuq proprjetà pubblika. Fil-fatt matul l-istess sentejn kien hemm b'kollox 479 każ ta' ħsarat volontarji jew involontarji filwaqt li kienu rrappurtati 464 każ ta' xi forma ta' serq fil-gżira Għawdxija matul l-2019 u l-2020.  

B'kollox fl-2019 il-Pulizija ressqet quddiem il-Qorti ta' Għawdex 538 persuna, filwaqt li fl-2020 tressqu total ta' 796. Dan ifisser illi f'temp ta' sena l-persuni li ttellgħu l-Qorti fil-gżira ta' Għawdex żdiedu b'mod konsiderevoli: B'258.  

F'sentejn kien hemm biss rapport wieħed f'Għawdex marbut ma' mibgħeda razzjali.  

Kien il-Korp tal-Pulizija li għadda din l-istatistika, għall-mistoqsijiet tal-gazzetta ILLUM dwar il-kriminalità f'Għawdex, fid-dawl ukoll ta' stqarrijiet dwar żieda fir-reati minħabba bidliet fit-tessut soċjali Għawdxi, xi ħaġa li implika d-Deputat Kevin Cutajar f'kumment dwar ġlieda f'Għawdex, liema kumment ġablu ħafna kritika.  

Sabiex tibda tifhem aħjar is-sitwazzjoni l-gazzetta ILLUM talbet għal informazzjoni dwar rapporti fl-għases u persuni li tressqu l-Qorti Għawdxija matul sentejn.  

87 rapport dwar serq minn karozzi u 43 minn djar 

Jekk inħarsu b'aktar reqqa lejn in-numri naraw kif f'dak li jirrigwarda serq f'Għawdex matul dawn is-sentejn, insibu illi l-aktar komuni huwa s-serq mill-karozzi b'87 rapport ta' serq, kemm jekk serq ta' partijiet tal-karozza minn barra jew inkella ta' affarijiet li kienu fil-karozza. It-tieni l-aktar serq komuni kien mit-toroq, u allura oġġetti bħal pjanti, bankijiet jew xi forma ta' għamara tat-toroq: Hawnhekk b'kollox saru 46 rapport fl-għases madwar Għawdex.  

Serq ieħor xi ftit jew wisq komuni f'Għawdex matul l-2019 u l-2020 kienu pick-pocketing (35 rapport), serq minn għelieqi u rziezet (31), serq minn djar okkupati (33) u 10 serqiet minn djar mhux okkupati. 

Apparti dawn iżda, matul dawn is-sentejn kienu rreġistrati 26 rapport fl-għases ta' serq minn barijiet u ristoranti, li fl-2019 kienu jinkludu wkoll id-diskoteki - magħluqin għall-maġġoranza assoluta tal-2020. Dawn ir-rapporti ta' serqiet kien jinqasmu hekk: 18-il każ fl-2019, tmienja fl-2020, 14 minnhom serq minn fuq klijenti li kienu fir-ristoranti/bars u 12 kienu serqiet mill-istabbilimenti infushom.  

Intant l-istatistika li għandha l-gazzetta ILLUM f'idejha turi li kien hemm 62 każ ieħor ta' serq li l-Korp tal-Pulizija jitfa' taħt il-kappa ta' "oħrajn".  

F'dak li jirrigwarda ħsarat u vandaliżmu r-rapporti jistgħu jinqasmu fi tnejn: 282 rapport dwar ħsarat magħmulin b'mod involontarju, permezz ta' hit and run jew inkella ħsarat oħrajn, filwaqt illi 197 kienu rapporti ta' ħsarat li saru apposta. Dawn tal-aħħar jinqasmu hekk: 172 rapport dwar ħsarat apposta minn persuna fuq il-proprjetà ta'  persuna oħra, 13-il rapport dwar ħsarat permezz ta' tfigħ ta' żebgħa u 12-il hit and run apposta.  

Intant matul l-2019 u l-2020 kien hemm b'kollox 46 rapport dwar attentati ta' reati, fosthom 14-il attentat ta' serqa minn residenzi.  

Ir-rapporti ta' vjolenza domestika jiżdiedu sew! 

Intant huwa inkwetanti wkoll illi t-tielet l-aktar tip ta' reat li dwaru kien hemm rapporti fl-għases f'Għawdex, hija l-vjolenza domestika. Fil-fatt bejn l-2019 u l-2020 kien hemm xejn inqas minn 168 rapport dwar dan ir-reat, li minnhom 72 kienu rapporti dwar vjolenza domestika fiżika, filwaqt li 76 kienu każi ta' vjolenza domestika psikoloġika. Kien hemm ukoll disa' rapporti ta' stalking.  

Iktar ta' inkwiet huwa l-fatt li r-rapporti fuq dan it-tip ta' reat żdiedu b'mod konsiderevoli: Minn 65 fl-2019 għal 103 fl-2020.  

Intant kien hemm ukoll 131 rapport fl-għases Għawdxin fuq ġlied, bl-aktar komuni jkun dak ta' natura fiżika li wassal għal ġrieħi ħfief (86 rapport) u warajh ġlied bl-użu tal-armi mhux proprji (mhux pistola per eżempju, imma oġġett li jintuża bħala arma) li wkoll wassal għal ġrieħi ħfief (18). Kien hemm b'kollox żewġ każi ta' rapporti dwar ġrieħi gravi kkawżati minn armi proprji (eż: pistola) u ħames rapporti ta' ġrieħi ħfief b'armi proprji.   

F'dak li jirrigwarda drogi r-rapporti li saru ma kinux daqstant numerużi b'16-il rapport f'temp ta' sentejn, li minnhom 13 kienu fuq pussess u t-tlieta l-oħrajn kienu fuq akkużi ta' traffikar jew intenzjoni ta' traffikar tad-droga.  

12-il każ ta' abbuż fuq minuri 

Kulħadd jiftakar ċar jaqra il-każ ta' akkużi fuq qassisin li allegatament abbużaw minn tfal f'Għawdex u li bħalissa għaddej il-każ tagħhom quddiem il-Qorti Għawdxija. 

Probabbilment dawn jgħoddu mat-12-il rapport f'għases Għawdxin ta' abbuż fuq minorenni, ħamsa fl-2019 u sebgħa fl-2020.  

'It-tessut Għawdxi inbidel b'rata mgħaġġla' 

Il-Kelliem tal-PN għal Għawdex Chris Said sostna illi f'Għawdex it-tessut inbidel b'rata mgħaġġla ħafna kif żdiedet ukoll il-kriminalità.  

Said qal illi dawn il-bidliet seħħew prinċipalment minħabba żieda qawwija fi ftit żmien fil-popolazzjoni madwar Għawdex kollha imma b'mod speċjali f'Marsalforn.  

"Fost ir-raġunijiet hemm il-fatt illi l-kirjiet hawnhekk baqgħu baxxi meta kkumparat ma' Malta, anke ma' San Pawl il-Baħar u l-Qawra, fejn il-kirjiet għolew sew ukoll," jisħaq Said.  

"Dan kollu biddel il-kompożizzjoni tas-soċjetà b'mod mgħaġġel ħafna u dan qed jirrifletti fuq l-iskejjel, fuq il-postijiet tax-xogħol u fis-soċjetà ... tant li l-Apoġġ ħasset il-bżonn li tiftaħ f'Marsalforn ukoll." 

Said għamilha ċara li hawnhekk hu mhu qed jagħmel l-ebda distinzjoni bejn barranin u l-Maltin li marru jgħixu Għawdex.  

Huwa temm jgħid li hemm bżonn studju serju biex wieħed jifhem aħjar dawn il-bidliet u ż-żidiet fil-kriminalità, il-konsegwenzi ta' dan kollu u kif il-Gvern se jindirizza dawn il-konsegwenzi.  

More in Politika