Nisa tqal imħeġġa biex jieħdu l-vaċċin biex inaqqsu r-riskju ta' kumplikazzjonijiet

Nisa tqal, nisa li qed ireddgħu u nisa li qed jipprovaw jinqabdu tqal qed ikunu mħeġġa jieħdu t-tilqima kontra l-Covid-19

Il-Kulleġġ Malti tal-Ġinekoloġisti qieħed iħeġġeġ lin-nisa tqal biex jieħdu t-tilqima kontra l-Covid-19 u dan wara li raw żieda fil-kumplikazzjonijiet li jkollhom l-istess nisa li jiltaqgħu mal-virus.

Fi stqarrija, il-kulleġġ spjega kif sa issa kien qed jagħti l-parir li t-tilqima joħduha biss in-nisa tqal li jkunu aktar f'riskju li jiltaqgħu mal-virus jew li nkella jkollhom kundizzjonijiet mediċi li jistgħu jwasslu għal kumplikazzjonijiet.

"Issa qed inħeġġu lin-nisa kollha tqal biex jieħdu l-vaċċin wara li jgħaddu 12-il ġimgħa mill-bidu tat-tqala," saħaq il-kulleġġ.

Skont il-ġinekoloġisti, il-vaċċin inaqqas ħafna r-riskju li persuna jkollha bżonn tiddaħħal l-isptar għal kura intensiva u anke jnaqqas ir-riskju li trabi jitwieldu ħafna qabel iż-żmien jew saħansitra jitwieldu mejta.

"Il-vaċċin huwa l-aqwa mod kif wieħed inaqqas ir-riskju li jiltaqa' mal-Covid-19 waqt it-tqala u jnaqqas ħafna l-possibbilità ta' kumplikazzjonijiet kemm għall-omm u anke għall-iben," insistew.

Qalu wkoll li anke nisa li għadhom qed ireddgħu jew inkella li qed jipprovaw jinqabdu tqal, jistgħu jieħdu l-vaċċin. Insistew li mhuwiex minnu li l-vaċċin jaffettwa l-fertilità.

In-nisa tqal li jixtiequ  jieħdu l-vaċċin ta' Pfizer jistgħu jċemplu fuq in-numru 145 jew inkella jibagħtu imejl fuq [email protected]

More in Politika