Il-Bastiment P33 jitniżżel taħt il-baħar biex iservi bħala attrazzjoni turistika

t-tniżżil tal-bastiment P33 hija opportunità sabiex bugħaddasa jiġu jgawdu dak li joffri pajjiżna u jesploraw dak li hemm taħt l-ibħra tagħna

In-niċċa turistika tal-għadds f’pajjiżna ser tkompli tissaħħaħ permezz ta’ żieda ta’ attrazzjoni taħt il-baħar. Dan hekk kif ftit ‘il barra mill-kosta ta’ Marsaskala ġie mgħerreq bastiment magħruf bħala P33, li kien jintuża bħala patrol boat mill-Forzi Armati ta’ Malta. Dan sar bl-għan li jservi bħala sit rikreazzjonali għall-għaddasa, kemm għat-turisti kif ukoll għall-Maltin.

Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo tenna li permezz ta’ dawn l-inizjattivi, pajjiżna qiegħed ikompli jsaħħaħ in-niċċa tal-għadds.

"Din l-inizjattiva, b’investiment ta’ €250,000, qiegħda timmarka l-impenn tagħna biex noffru lit-turisti li jiġu f’Malta xelta ta’ attrazzjonijiet li joffru l-ibħra ta’ pajjiżna. Intenni l-impenn tagħna għal aktar ħidma biex inkomplu naċċertaw li noffru esperjenza ta’ kwalità lil kull min jiġi jżurna”, qal il-Ministru Bartolo.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg spjega li t-tniżżil tal-bastiment P33 hija opportunità sabiex bugħaddasa jiġu jgawdu dak li joffri pajjiżna u jesploraw dak li hemm taħt l-ibħra tagħna.

 

“Mhuwiex sigriet li l-gżejjer Maltin għandhom x’joffru. Iżda l-ġmiel ta’ Malta u Għawdex jibqa’ sejjer ukoll lil hinn mill-kosta, għal taħt il-baħar, fejn wieħed jista’ jsib dinja oħra, lesta biex tiġi skoperta minn bugħaddasa, kemm dawk li ta’ kull sena jigu f’pajjiżna speċifikament għal din ir-raġuni, u anke minn dawk lokali. Din tal-lum hija opportunità oħra, biex insaħħu l-prodott turistiku tagħna. Dan l-investiment, b’mod speċjali, qiegħed isaħħaħ in-niċċa tal-iscubadiving, hekk kif Wied il-Għajn qiegħed joffri l-ewwel wreck site. Ċerti li se toffri sigħat ta’ avventura u esplorazzjoni għal dawk li għandhom dan id-delizzju għal qalbhom”, ikkonkluda s-Sur Buttigieg.

More in Politika