Repubblika titlob għat-tkeċċija ta' Joseph Muscat mill-PL

Repubblika tgħid li b'din it-tkeċċija biss jista' l-PL jibda jiċħad "il-passat ta' għajb li wassal għall-qtil ta' Daphne Caruana Galizia"

Robert Aquilina dalgħodu quddiem iċ-ĊNL
Robert Aquilina dalgħodu quddiem iċ-ĊNL

L-għaqda Repubblika f'ittra mibgħutha dalgħodu lill-President tal-Partit Laburista Ramona Attard, talbet sabiex il-PL ikeċċi lil Joseph Muscat minnufih u ma jħallix lil dawk li kienu Ministri fil-Kabinett tiegħu jerġgħu jikkontestaw elezzjoni ġenerali oħra. 

Il-President ta' Repubblika Robert Aquilina sostna fl-ittra, ippreżentata dalgħodu quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, illi Joseph Muscat instab "personalment responsabbli li kien fiċ-ċentru tat-tnawwir, tat-tgħajjir, tal-gideb u tal-ħolqien tal-ambjent ta’ impunità li fihom seta’ jseħħ l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia."

Huwa qal illi huwa biss bit-tkeċċija ta' Muscat li l-Partit Laburista "jista’ jibda jiċħad il-passat ta’ għajb li wassal għall-qtil ta’ omm, ikkawża trawma għal pajjiżna u żeblaħ lil din artna mal-erbat irjieħ tad-dinja. Il-gravità ta’ dak li seħħ minħabba Joseph Muscat hija bla preċedent fl-istorja tad-demokrazija tagħna."

Aquilina sostna wkoll fl-istess ittra illi l-PL għandu jibgħat messaġġ "bħala l-akbar partit f'Malta" anke billi dawk il-MInistri u d-Deputati li huma msemmijin fir-rapport ma jitħallewx jerġgħu joħorġu għall-elezzjoni. 

"Pajjiżna jeħtieġ ikun tassew tagħna lkoll u mhux tal-qarnita mafjuża magħmula minn politiċi u negozjanti korrotti, kriminali u qattiela. M’għandix dubju li tiftakar min kien wiegħed li Malta se tkun ‘tagħna lkoll’. Inħeġġuk tibda t-triq biex din il-wegħda tibda titwettaq," temm l-ittra tiegħu Robert Aquilina. 

More in Politika