L-iskema tal-vouchers għat-turisti tal-għadds tingħalaq hekk kif 7,400 turist jibbenefikaw minnha

Din l-iskema hija stmata li se tħalli €12-il miljun fl-ekonomija u swiet €750,000

L-iskema ta' vouchers għal turisti tal-għadds, li tara kull turist f'dan is-settur jieħu voucher ta' €100 li jrid jintefaq f'wieħed miċ-ċentri tal-għadds imxerdin madwar Malta u Għawdex, għalqet hekk kif applikaw il-massimu ta' turisti għaliha. B'kollox kienu 7,400 turist lejn Malta li għamlu jew se jkunu qed jagħmlu użu minn dawn il-vouchers. 

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo kien qal illi din il-miżura se tħalli €12-il miljun fl-ekonomija tal-pajjiż u swiet €750,000. 

Skema simili mħabbra mill-Gvern kienet għal dawk li għandhom guest house jew boutique hotel li se jieħdu €1,000 għal kull stabbiliment, filwaqt li lukandi ta' żewġ stilel li se jieħdu €500 għal kull stabbiliment.  Hostels u holiday furnished flats se jieħdu €250 għal kull proprjetà.  Dawn il-flus se jingħataw bil-patt u l-kundizzjoni li jintefqu fuq marketing tal-proprjetà, bil-Gvern jaċċerta li dan huwa l-każ qabel jgħaddi l-flus. 

Intant il-Ministru kien ħabbar skema oħra, din id-darba għas-settur tal-konferenzi li se tiswa' €4 miljuni.  Permezz ta' dan l-inċentiv il-Gvern se joffri €75 meta n-nefqa tkun ta' bejn €600 u €800 għal kull delegat, u rifużjoni ta' €150 għal kull delegat meta n-nefqa taqbeż it-€800 għal kull delegat. 

€3 miljun oħra kienu mħabbrin f'għajnuna sabiex operaturi tal-ivvjaġġar jiġġeneraw aktar bookings lejn Malta u Għawdex. 

More in Politika