Filmat | Park għall-Familja f'Bengħajsa fuq 60,000 metru kwadru ta' art sal-2023

Park għall-Familja f'Bengħajsa fuq 60,000 metru kwadru ta' art sal-2023

Il-Ministru Dalli u membri tal-Kunsilli Lokali ta' Birżebbuġa
Il-Ministru Dalli u membri tal-Kunsilli Lokali ta' Birżebbuġa

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli flimkien mal-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo ħabbru proġett ta’ €4 miljun li bih se jkun qed jiġi riġenerat il-park tal-familja Bengħajsa, f’Birżebbuġa.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, li għaliha attendew membri tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa  immexxija mis-Sindku Joseph Farrugia, il-Ministri  Dalli u Bartolo ħabbru li dan il-proġett, li jkopri medda ta’ art ta’ 60,000 metru kwadru, hu mistenni li jitlesta sal-aħħar tal-2023, minħabba l-ammont konsiderevoli ta’ xogħol li hemm bżonn.

Huwa mistenni li l-Park tal-Familja ta’ Bengħajsa se joffri spazju miftuħ biex ir-residenti ta’ Birżebbuġa u l-madwar ikollhom spazju ta’ rikreazzjoni f’ambjent sigur. F’dan il-Park, li diġà ġew imħawla fih ammont konsiderevoli ta’ siġar, ser ikompli jiġi afforestat minn Parks Malta b’żieda ta’ mhux anqas minn 1,000 siġra indiġena oħra, fost oħrajn bħall-Ħarrub u ċ-Ċipress.

Il-park se jiġi mgħammar b’diversi attrazzjonijiet kemm sportivi u dawk rikreattivi  bħall-camping site u picnic area.

“Proġett bħal dan huwa mistenni li jagħti dehra ġdida lil lokalità bħalma hi Birżebbuġa. Qed inkomplu naħdmu biex bi proġett wara l-ieħor,  nagħtu lir-residenti ta’ Birżebbuġa lokalità li tixirqilhom – post li jistgħu jgawduh flimkien mal-familja jew il-ħbieb tagħhom f’ambjent sigur u nadif”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Spjegat, kif il-Park tal-Familja ta’ Bengħajsa se jinkludi wkoll passaġġi, żona għall-attività fiżika, żona fejn jilgħabu t-tfal u kaffetterija.

“Dan il-park se jkun wieħed mill-akbar Parks fin-Nofsinhar ta’ Malta”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Clayton Bartolo saħaq dwar kif dan il-park tal-familja f’Bengħajsa huwa riaffirmazzjoni tal-impenn ta’ dan il-gvern,  li diversi żoni madwar il-pajjiż jattiraw lit-turisti.

More in Politika