Minn Ottubru se jiġu estiżi l-ħinijiet taċ-ċentri taċ-Childcare

Bi prova, sitt ċentri se jkunu qed jiftħu wkoll matul il-ġurnata tas-Sibt

Minn Ottubru li ġej, se jkun estiż is-servizz taċ-Childcare hekk kif dawn se jibdew jiftħu qabel u jagħlqu wara. Ħabbret dan il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana.

Fil-fatt, dawn se jibdew jiftħu siegħa u nofs qabel, jiġifieri mis-6 ta’ filgħodu minflok fis-7:30 u jagħlqu siegħa u nofs wara, jiġifieri fis-6 ta’ filgħaxija minflok fl-4:30.

Is-servizz li għalissa se jkun bi prova, jinkludi wkoll il-ftuħ ta’ dawn is-sitt ċentri nhar ta’ Sibt bejn is-6 ta’ filgħodu u s-siegħa, meta bħalissa s-Sibtijiet dawn iċ-ċentri ma jiftħux.

Iċ-ċentri li se jiftħu bi prova minn Ottubru huma: Il-Kuluri Childcare Centre (Birgu), Il-Ferrovija Childcare Centre (B’Kara), Pizzi Pizzi Kanna Childcare Centre (Naxxar), Il-Merill Childcare Centre (Pembroke), Żmeraldi Childcare Centre (Ħaż-Żebbug) u Ix-Xemx Childcare Centre (Qawra). Qed issir ħidma biex ikunu identifikati ċentri f’Għawdex biex ikunu indirizzati l-bżonnijiet tal-Għawdxin, speċjalment dawk li jaħdmu Malta.

Il-Ministru spjegat kif bil-ħinijiet estiżi huwa mbassar li se jkunu attirati 72 tifel u tifla oħra – żieda ta’ 20% f’dawn iċ-ċentri ta’ prova.

"Fil-Manifest Elettorali tal-2017, il-Gvern kien wiegħed lill-poplu li konna se ntejbu dan is-servizz u nifirxuh aktar. Hu dan li qed inħabbru llum”, kompliet il-Ministru Caruana.

Fit-18 ta’ Lulju ħareġ tender biex ikun attirat ir-riżors uman li hemm bżonn biex jingħata dan is-servizz.

Bħalissa fit-13-il ċentru tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi jattendu madwar 385 tifel u tifla.

F’dawn iċ-ċentri, bħal kif qed isir bħalissa fiċ-ċentri kollha tal-FES, se jingħata servizz skont il-policies kollha eżistenti, u skont l-istandards nazzjonali marbuta maċ-ċentri u jkunu mħarsa l-protokolli kollha li hemm f’posthom u dawk li jinħarġu mill-Awtoritajiet tas-Saħħa minn żmien għal żmien.

More in Politika