Tmiem il-ġimgħa impenjattiv għall-Ajruport ... it-tmexxija tappella għall-koperazzjoni

F'ċerti sigħat se jkunu qed jaslu Malta madwar 1,100 passiġġier fl-istess ħin

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mistenni jkollu tmiem il-ġimgħa impenjattiv hekk kif mistennija jaslu Malta 1,100 passiġġier fl-istess ħin waqt ċerti sigħat.

Propju għalhekk li l-Ajruport qed jappella għall-koperazzjoni biex l-ipproċessar  tal-passiġġieri jkun jista’ jibqa’ jsir b’mod effiċjenti anki waqt dawn is-sigħat intensivi.

"L-ajruport jixtieq ifakkar lil dawk li ser ikunu qegħdin jivvjaġġaw sabiex iħejju d-dokumenti meħtieġa għall-verifikazzjoni, speċjalment qabel il-wasla tagħhom f’Malta," saħqet l-istqarrija.

L-Ajruport fakkar li l-passiġġieri li ser ikunu qegħdin jivvjaġġaw lejn Malta għandhom jimlew Formola ta’ Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri diġitali u huma mitlubin jaraw li t-taqsimiet kollha ta’ din il-formola jimtlew b’mod korrett, partikolarment id-dettalji dwar it-titjira tagħhom u t-taqsimiet ‘Permanent Address’ (hawnhekk għandu jiddaħħal l-indirizz fil-pajjiż tar-residenza) u ‘Temporary Address’ (hanwhekk għandu jiddaħħal l-indirizz f’Malta). 

Din il-formola għandha tiġi ppreżentata flimkien ma’ riżultat ta’ test tal-COVID-19 tat-tip PCR li ma jkunx sar aktar minn 72 siegħa qabel il-wasla f’Malta jew wieħed miċ-ċertifikati tat-tilqim li jidhru hawn taħt u li huma aċċettati mis-Sovraintendenza tas-Saħħa Pubblika f’Malta jiġifieri:

  • iċ-Ċertifikat tat-Tilqim ta’ Malta
  • l-NHS COVID Pass tar-Renju Unit (verżjoni diġitali jew ċertifikat fiżiku)
  • iċ-Ċertifikat Diġitali tal-COVID tal-UE

"Dawn iċ-ċertifikati jiġu aċċettati biss jekk jindikaw li d-detentur tagħhom huwa kompletament imlaqqam u jekk ikunu għaddew tal-anqas 14-il jum minn meta l-aħħar doża tkun ġiet amministrata. Il-passiġġieri huma mfakkrin ukoll li bħalissa ċ-Ċertifikat Diġitali ta’ Fejqan mill-COVID tal-UE mhuwiex qiegħed jiġi aċċettat bħala dokument validu mis-Sovraintendenza tas-Saħħa Pubblika ta’ Malta," kompliet l-istqarrija.

Il-passiġġieri li se jkunu qegħdin itiru mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jistgħu jaraw ir-rekwiżiti tal-ivvjaġġar skont il-pajjiż f’din il-link: maltairport.com/covid19/departure/.

Dawn il-passiġġieri huma mitlubin imorru fiċ-check-in counters tal-ajruport sabiex id-dokumenti tagħhom jiġu vverifikati, anki jekk ikunu għamlu check in onlajn minn qabel. 

More in Politika