190,500 passiġġier jgħaddu mill-Ajruport f'Ġunju ... l-aktar mill-Italja, Ġermanja u Franza

Xorta iżda għadna ħafna lura kkumparat mal-2019 - 73.6% inqas passiġġieri mill-aħħar sena qabel il-pandemija

Ġunju ġab il-ftuħ mill-ġdid tat-turiżmu u miegħu 190,505 passiġġieri għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Din iċ-ċifra tindika titjib fuq it-traffiku tal-ajruport fix-xhur ta’ qabel, iżda meta titqabbel ma’ Ġunju 2019 issarraf fi tnaqqis ta’ 73.6%.  Dan żvelah fi stqarrija l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta.

L-aqwa swieq ta’ Ġunju kienu l-Italja, il-Ġermanja, Franza, il-Polonja u Spanja. Is-suq Spanjol kien ilu xi ftit ma jidher fost l-aqwa ħamest iswieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u reġa’ tela’ fil-ħames post ix-xahar li għadda wara li f’Ġunju reġgħu bdew jiġu operati titjiriet lejn Valenzja u Sevilja.

Stħarriġ imwettaq mill-European Travel Commission f’Mejju 2021 żvela li parteċipanti Ewropej li kienu qegħdin jippjanaw li jsiefru fis-sajf kellhom preferenza għal destinazzjonijiet fin-Nofsinhar tal-Ewropa bħal Spanja, l-Italja, Franza u l-Greċja.

Filwaqt li r-Renju Unit ma kienx fost l-aqwa ħamest iswieq tal-ajruport, minkejja li Malta tqiegħdet fuq il-lista l-ħadra lejn l-aħħar ta’ Ġunju, dan is-suq tela’ post minn Mejju sabiex klassifika fis-sitt post.

More in Politika