Malta tikseb deroga biex tgħin iktar lill-bdiewa

Din id-deċiżjoni kienet riżultat ta’ diskussjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ €3 miljun f’Appoġġ Akkoppjat Volontarju

Malta kisbet deroga li tippermetti aktar għajnuna diretta lill-bdiewa. Dan kien ikkonfermat fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Agrikoltura li saret f’Lussemburgu u li għaliha attenda l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo.

Din id-deċiżjoni kienet riżultat ta’ diskussjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ €3 miljun f’Appoġġ Akkoppjat Volontarju. Permezz ta’ dan l-appoġġ dirett, il-gvern Malti jista’ jiżgura li jintlaħqu l-miri tal-istrateġija tal-‘Farm to Fork’ li timmira għal katini tal-provvista iqsar u sigurtà alimentari akbar, filwaqt li tassigura ssostenibbiltà tas-settur.

Intant, il-ministri li ltaqgħu f’Lussemburgu aċċettaw il-ftehim proviżorju dwar l-elementi ewlenin tar-riforma tal-politika agrikola komuni (PAK), li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew.

Skont il-Ministeru, din ma kinitx sfida faċli u, filwaqt li xi kwistjonijiet għadhom jeħtieġu aktar diskussjonijiet tekniċi, il-kompromess li sar kien kważi aċċettabbli għall-istati membri kollha. Il-pakkett il-ġdid se jkun strumentali biex jgħin lill-bdiewa Ewropej jiffaċċjaw l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom matul issnin u jgħinhom ikomplu jipprovdu s-sigurtà tal-ikel.

Malta assigurat ukoll li d-definizzjoni taż-żoni rurali tkun determinata mill-istati membri fil-Pjan Strateġiku. B’hekk ikun żgurat li ż-żoni rurali ta’ Malta jkomplu jibbenefikaw mill-fondi għall-iżvilupp rurali u jindirizzaw ir-realtajiet territorjali tagħhom.

Element ġdid f’din ir-riforma kien l-introduzzjoni tal-eko-skemi. Hawn Malta wkoll għamlet kisba importanti bil-garanzija li jkun hemm il-flessibbiltajiet neċessarji, inkluż mekkaniżmu tar-rebate, li jirrikonoxxi l-isforzi li l-bdiewa diġà qed jagħmlu fit-tieni Pilastru tal-PAK. Ġiet ikkonfermata wkoll id-deroga li teżenta lill-bdiewa żgħar minn ċertu obbligi ambjentali u b’hekk jonqos il-piż amministrattiv.

Barra minn hekk, il-Kunsill adotta b’mod formali fir-Regolament Ewropew iż-żieda ta’ kważi 1,500 tunnellata fl-allokazzjoni tal-ammont massimu ta’ tonn li jista’ jidħol fl-irziezet Maltin fl-istaġun ta’ din is-sena. Din kienet deċiżjoni li l-gvern Malti nnegozja b’suċċess fix-xhur li għaddew, liema deċiżjoni se tagħti nifs ġdid lis-settur tat-tonn, li hu settur importanti ħafna għal pajjiżna. 

More in Politika