Iċ-ċentru tal-kura primarja f'Marsaxlokk se jinkludi wkoll GU Clinic

Klinika oħra għall-kura tas-saħħa sesswali mistennija tinfetaħ ukoll fil-Mellieħa

Iċ-ċentru tal-kura primarja f’Marsaxlokk se jkun qed jinkludi wkoll GU Clinic għal dawk li jkollhom bżonn kura marbuta mas-saħħa sesswali. Dan tħabbar dalgħodu mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne,

Waqt il-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru, Fearne saħaq li dan hu biss wieħed minn sensiela ta’ proġetti li l-għan tagħhom huwa li jsaħħaħ il-kura primarja fil-komunità.

Fearne qal li l-klinika l-ġdida f’Marsaxlokk se tkun qed taħdem id f’id mal-GU Clinic f’Mater Dei, filwaqt li GU clinic oħra mistennija tinfetaħ fil-Mellieħa.

Apparti l-GU Clinic, iċ-ċentru tas-saħħa se jkollu post fejn ipoġġi tabib tal-familja, klinika tal-podjatrija, klinika għall-fiżjoterapija, terapija għat-tlissin u l-lingwa, dietician u anke klinika għas-saħħa mentali.

Fearne saħaq li ħafna servizzi huma limitati minħabba l-pandemija, iżda saħaq li issa li l-pajjiż riesaq lejn it-tmiem tal-programm tat-tilqim, jinsab ottimist li fis-sajf, dawn is-servizzi, se jkunu qed jerġgħu jiftħu.

Dan iċ-ċentru f’Marsaxlokk huwa l-aħħar wieħed minn sensiela ta’ kliniċi fil-komunità li nfetħu f’Ħ’Attard, il-Pieta, il-Gudja, Tas-Sliema, il-Mellieħa, iż-Żejtun u ż-Żurrieq.

Kliniċi oħra f’Santa Luċija, fil-Kalkara u fil-Belt Valletta se jkunu qed jiftħu aktar tard din is-sena.

More in Politika