Sal-2023 884 familja se jingħataw akkomodazzjoni permezz tal-iskema ‘Nikru Biex Nassistu’

Permezz ta’ din l-iskema, qed jingħata użu lil djar battala u jintużaw għal skop soċjali

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega kif sa tmiem din is-sena se jkun hemm madwar 581 familja li ħabbtu l-bieb tal-Awtorità tad-Djar u ġew allokati dar permezz tal-iskema ‘Nikru Biex Nassistu’. 

Permezz ta’ din l-iskema, qed jingħata użu lil djar battala u jintużaw għal skop soċjali. 

Sa issa, hemm 330 familja li llum għandhom saqaf fuq rashom bis-saħħa ta’ din l-iskema, li se jitilgħu għal 773 familja sal-2022 u 884 familja sal-2023. 

 “Il-mijiet ta’ djar li tajna sa issa, u li se nibqgħu nagħtu, huma dak il-valur li qed nikkrejaw minn djar li ma kellhomx użu u kienu battala,” sostna l-Ministru Roderick Galdes. 

Spjega kif din l-iskema kienet strumentali biex l-ammont ta’ nies fil-bżonn ta’ akkomodazzjoni alternattiva naqas mill-ogħla punt fl-2017 ta’ 3,288, għal 1,900, qabel ma jibdew jiġu allokati d-djar il-ġodda tal-akkomodazzjoni soċjali aktar tard din is-sena. 

“Is-suċċess tal-inizjattiva tixhed li teżisti fiduċja fis-sistema li qed joffri l-gvern imma turi wkoll li pajjiżna huwa mogħni individwi li jridu jikkontribwixxu bil-ġid tagħhom jekk jingħataw l-opportunitajiet it-tajbin,” sostna l-Ministru Roderick Galdes. 

Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellem il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay, li fisser kif topera l-iskema li attirat mijiet ta’ sidien. L-iskema ‘Nikru Biex Nassistu’ saħħet b’mod konsiderevoli r-riżorsi f’idejn l-Awtorità tad-Djar billi warrbet ħafna mir-riskju għas-sidien. 

Dan partikolarment billi tkun l-Awtorità tad-Djar li terfa’ r-responsabbiltà tal-manutenzjoni, tintrabat li tirritorna l-proprjetà fl-istat li tiksibha oriġinarjament u tassigura ħlas xieraq ta’ kera bil-quddiem. 

More in Politika