Il-PN jgħid li Bernard Grech kien iċċensurat mill-PBS dwar Carmelo Abela

Dorian Sciberras jgħid li, "dan ma kienx l-ewwel każ li l-Partit Nazzjonalista ġie ċċensurat."

Fi stqarrija maħruġa iktar kmieni illum il-Partit Nazzjonalista nsista li, "il-PBS qed ikompli jikkonferma kemm hu maħtuf mill-Gvern u qed iservi biss ta’ propoganda għall-Gvern."

Skont il-PN dan seħħ meta s-sejħa tal-Kap tal-Oppożizzjoni għar-riżenja jew tkeċċija tal-Ministru Carmelo Abela ġiet ċensurata u ma ħarġitx waqt l-aħbarijiet tax-xandir tal-istat.

Dwar din is-sitwazzjoni tkellmu l-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista David Thake kif ukoll il-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Dorian Sciberras. David Thake saħaq li "s-sitwazzjoni fix-xandir tal-istat illum qiegħda fi stat fejn il-Gvern għandu magna ta’ propoganda li mhux tintuża b’mod ġust." Hu appella biex dan kollu jieqaf b’mod immedjat u x-xandir tal-istat iservi l-irwol ewlieni tiegħu dak li jinforma lill-pubbliku b’mod bilanċjat.  Intant Thake fakkar ukoll kif il-PBS sal-lum naqas milli jxandar stqarrija li ordnatlu jxandar l-Awtorita' tax-Xandir wara protest ieħor li kien għamel il-Partit Nazzjonalista u qiegħed ikompli jisfida din l-istituzzjoni.

Min-naħa tiegħu l-kandidat għall-elezzjoni ġenerali Dorian Sciberras qal li, "dan ma kienx l-ewwel każ li l-Partit Nazzjonalista ġie ċċensurat." Saħaq li l-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, dak li l-Prim Ministru ma jistax jibqa’ jkaxkar saqajh u jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Carmelo Abela, kien messaġġ relevanti li iżda l-PBS għażel li jwarrbu.

Għal dan il-Partit Nazzjonalista reġa’ ressaq protest bit-tama li ssir ġustizzja u l-pubbliku jirċievi l-informazzjoni b’mod imparzjali. 

More in Politika