'Iċ-ċertifikat tal-vaċċin irid jaħdem malajr kemm jista' jkun' - Cutajar

Josianne Cutajar, waqt l-indirizz tagħha, saħqet li għas-settur turistiku hemm bżonn strateġija Ewropea b’saħħitha li tilqa’ fiha mhux biss lill-istati membri iżda anke lill-imsieħba l-oħra fil-qasam

Waqt li kienet qed tindirizza l-Forum Amex organizzat minn American Express, il-MPE Josianne Cutajar saħqet fuq l-importanza li ċ-ċertifikat tal-vaċċin jibda jaħdem malajr kemm jista’ jkun kemm fuq livell Ewropew u anke fuq livell internazzjonali.

“Dan kollu huwa importanti sabiex pajjiżi bħal Malta jkunu jistgħu jirċievu ferm aktar turisti b’mod aktar sigur filwaqt li tkun imħarsa parti kbira u importanti tal-ekonomija”, qalet Cutajar.

Il-Kummenti tal-MEP jiġu fid-dawl ta' konferenza li saret ilbieraħ mill-Gvern illi matulha nieda ċ-Ċertifikat tal-Vaċċin lokali, li jista' jintuża lokalment u anke għas-safar, kemm sejjer u anke ġej lejn Malta. 

Josianne Cutajar, waqt l-indirizz tagħha, saħqet li għas-settur turistiku hemm bżonn strateġija Ewropea b’saħħitha li tilqa’ fiha mhux biss lill-istati membri iżda anke lill-imsieħba l-oħra fil-qasam, inkluż dawk internazzjonali.

“Din l-istrateġija ħolistika Ewropea għandha tiffoka fuq l-irkupru mill-pandemija iżda fl-istess waqt għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-era ambjentali u diġitali li qed ngħixu, ħalli tkun waħda li tolqot l-aspetti varji u importanti” stqarret Dr Cutajar.

Fl-aħħarnett l-MEP Maltija semmiet kif l-industrija tat-turiżmu hija waħda importanti ħafna u l-pajjiżi membri għandhom jieħdu l-okkażjoni sabiex it-tibdil li se jkollu jsir bilfors, konsegwenza tal-pandemija, jgħin sabiex  jistabilixxi s-sostenibilità tagħha għaż-żmien li ġej.

More in Politika